Sport Sport Ieħor

Malta ser tieħu sehem fil-Beach Handball waqt it-tieni edizzjoni tal-Logħob tal-Mediterran

Artiklu: Charles Camenzuli

Il-Kumitat Olimpiku Malti ser ikun qed jieħu sehem fit-Tieni Edizzjoni tal-Mediterranean Beach Games f’Patras fil-Greċja. Malta ser tkun qed tieħu sehem bit-tim nazzjonali tal-beach handball immexxi mill-kowċ nazzjonali Ian Psaila u mit-tim manager Adam Sule.

It-tim Malti huwa magħmul mill-plejers Jean Paul Caruana, Daniel Tanti, John Scicluna, Chris McClean, Chris Magro, James Rausi, Mauro Camilleri Darmanin, Matthew Spiteri, Frans Buhagiar u Liam Harrison. Milos Stanisavljevic ser ikun il-fisjoterapista tat-tim.

Fl-ewwel edizzjoni tal-Logħob fl-2015 f’Pescara, it-tim Malti kien spiċċa fis-sitt post wara telfa ta’ 2- 0 kontra l-Italja. Fil-proċess tal-kompetizzjoni wara li Malta tilfet kontra Tuneżija (0-2), Turkija (0-2), Slovenja (1-2) u Grecja (0-2), fil-kwarti tal-finali t-tim Malti kien għeleb 2-0 lil-Albanija iżda wara tilef 2-0 kontra Turkija.

Fir-rawnd bejn il-ħames u t-tmien post it-tim Malti għeleb lill-Alġerija 2-0 qabel tilef kontra l-Italja fil-finali għall-ħames post. B’kollox ħadu sehem disa’ pajjiżi, bil-midalja tad-deheb tintrebaħ mit-Tuneżija qabel Ċipru u Turkija.

Meta ttellgħu l-poloz fis-6 ta’ Ġunju t-tim Malti ser ikun fi Grupp B flimkien mal-pajjiż organizzattiv il-Greċja, it-Tuneżija rebbieħa tal-midalja tad-deheb fl-aħħar edizzjoni, l-Italja u l-Albanija. Oriġinarjament fi Grupp B kien hemm il-Libja iżda f’dawn il-ġranet l-organizzaturi ġew mgħarrfa li l-Libja rtirat mill-kompetizzjoni.

It-tieni Edizzjoni tal-Mediterranean Beach Games tiftaħ uffiċjalment nhar il-Ħadd 25 ta’ Awwissu biċ-Ċerimonja tal-Ftuħ issir fid-9.00pm. Fl-istess ġurnata iżda jintlagħbu l-ewwel partiti fejn fil-10.40 ta’ filgħodu Malta tilgħab kontra l-Italja, u fis-2.10 ta’ waranofsinhar kontra l-Greċja. It-Tnejn 26 ta’ Awwissu Malta tilgħab fil-10.40 ta’ filgħodu kontra l-Marokk u t-Tlieta fl-istess ħin kontra t-Tuneżija.

Oriġinarjament Grupp A kien magħmul mill-Kroazja, il-Portugall, l-Eġittu, Ċipru, l-Alġerija, Sirja u l-Marokk iżda jidher li wara l-irtirar tal-Libja, il-Marokk tpoġġiet fi Grupp B. L-ewwel erba’ timijiet minn kull grupp jgħaddu għall-kwarti tal-finali bl-ewwel partiti jintlagħbu t-Tlieta 27 ta’Awwissu filgħaxija.

Is-Sibt 24 ta’ Awwissu l-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob tal-Mediterran immexxi mill-President Amaar Addadi ser jorganizza l-Kungress għall-pajjiżi eliġibbli li jieħdu sehem. Malta ser tkun rappreżentata mill-President tal-KOM, Julian Pace Bonello, mis-Segretarju Ġenerali Joe Cassar kif ukoll mid-Direttur tal-Isport u Chef de Mission Ivan Balzan.

Fil-programm ta’ Logħob hemm b’kollox ħdax-il dixxiplina, bl-aħħar ġurnata ta’ kompetizzjoni tkun il-Ħadd 1 ta’ Settembru.