Aktar minn xahar u nofs wara li, waqt laqgħa f’Londra, kien ħabbar li l-Gvern kien se jiftaħ Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela naqas milli jagħti ħjiel dwar meta din l-Inkjesta Pubblika se tibda.
Mistoqsi minn NET News, Carmelo Abela qal li għaddejjin konsultazzjonijiet mal-Kunsill tal-Ewropa.
Dan meta r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa u anke l-istess Ministru kienu qalu li l-Inkjesta trid tiftaħ fi żmien tliet xhur. Iżda mistoqsi jekk dan iż-żmien hux se jinżamm, il-Ministru naqas milli jwieġeb
U mistoqsi jaħsibx li din l-Inkjesta Pubblika hi urġenti, Carmelo Abela qal li l-importanza hi fuq l-investigazzjoni kriminali.
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu. Bħalissa hemm tliet persuni li għaddejjin minn proċeduri kriminali b’rabta ma’ dan l-assassinju.
Iżda s’issa għad m’hemmx ħjiel dwar min ordna li Daphne Caruana Galizia tinqatel.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ilu għal dawn l-aħħar xhur jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ Inkjesta Pubblika dwar jekk il-qtil setax jiġi evitat u jekk l-investigazzjoni saritx kif suppost.
Kważi xahrejn ilu, f’rapport ieħor li ta ħasla lill-Gvern dwar l-istat tas-Saltna tad-Dritt f’Malta, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea wkoll sejħet għal Inkjesta Pubblika.
Iżda hekk kif iż-żmien għaddej sew, il-Ministri tal-Gvern qed jibqgħu jaħarbu milli jagħtu ħjiel dwar meta se tiftaħ din l-Inkjesta.
Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia ħarab milli jwieġeb, issa anke l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela naqas milli jagħti ħjiel ta’ meta l-Inkjesta Pubblika dwar dan l-assassinju se tibda.
//= $special ?>