Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja ta’ Jordan Azzopardi minħabba nuqqas ta’ affidabilità tiegħu u l-fatt li għad baqa’ żewġ xhieda mportanti biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom u li għandhom jagħlqu l-provi minn naħa tal-Prosekuzzjoni fil-kumpilazzjoni.
Fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, l-Avukat Difensur tiegħu Franco Debono qal li l-każ ilu jkarkar minn Marzu li għadda. Dan wara li l-Qorti ma setgħetx tisma’ l-aħħar żewġ xhieda pajżana, l-Ġimgħa stess, minħabba li jinsabu fuq btala. Iż-żewġ xhieda huma żewġ ‘dealers’ tal-karozzi.
“Ma tagħmilx sens għall-akkużat li dan jibqa’ arrestat sat-2 ta’ Ottubru li ġej, meta dawn ix-xhieda mistennija jinstemgħu”, qal l-Avukat Difensur Franco Debono.
Azzopardi ddaħħal fl-awla tal-Qorti mmannettjat u miegħu ħames persuni tas-sigurtà mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Huwa ilu miżmum il-ħabs sa mit-13 ta’ Marzu. Jordan Azzopardi, ta’ 29 sena mill-Iklin kien akkumpanjat mit-tfajla tiegħu ta’ 30 sena fl-iżbarra.
Hija wkoll qed tiġi akkużata bi traffikar ta’ droga u li ssuspettata li ppruvat xxaħħam xhud. Hija ngħata l-ħelsien mill-arrest fl-aħħar seduta. Il-mara ta’ 30 sena hija omm ta’ ħames ulied u isimha ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti.
“Ir-rekwiżiti tal-ġustizzja u s-sens komun jgħidu li l-akkużat m’għandux jiċċaħħad mil-libertà u dan għax baqa żewġ xhieda, u li huma ‘dealers’ tal-karozzi u xejn anqas u li għax dawn għad iridu jixhdu.
“Hawn qed nitkellmu fuq il-libertà tal-persuna, u naqbel li x-xhieda jridu kollha jiddeponu, iżda hija ironika li Jordan Azzopardi qed jibqa’ jinżamm arrestat minħabba li dawn ix-xhieda għandhom ma xehdux.
“Mhux sew li l-akkużat għandu jsofri minħabba dawn in-nies,” qal l-Avukat Debono fil-Qorti, li saħaq li l-aktar xi ħaġa mportanti fis-sistema penali hija l-preżunzjoni tal-innoċenza għandha tiġi rispettata. Issa huwa mistenni li talba oħra minn naħa tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest issir meta jixhdu l-aħħar żewġ xhieda.
Kompla jgħid li l-Qorti tista’ timponi kull kundizzjoni dwar il-ħelsien mill-arrest li hija tara xierqa. Illum, l-mekkaniżmu dwar dan jiżgura li jekk il-kundizzjonijiet jinkisru, l-akkużat jerġa’ jispiċċa arrestat.
Il-Qorti qalet li d-deċiżjoni mistennija tingħata aktar tard fil-jum tal-Ġimgħa. Għal Joran Azzopardi qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Marion Camilleri filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Mercieca u Justine Grech.