Futbol Sport

Santa Lucia jagħtu doċċa kiesħa liċ-champions Valletta fid-debutt fil-Kampjonat Premier

(Ritratt: Joseph Galea)

VALLETTA…………………………… 2 SANTA LUCIA……………………….. 3

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, R. Camilleri, J. Zerafa, R. Muscat (N. Pulis 81’), D. Packer (S. Dimech 67’), K. Tulimieri (M. Piciollo 58’), Y. Messias, M. Fontanella, K. Nwoko

Santa Lucia: R. Caruana, J. Walker, F. Zuniga, G. Mentz, D. Agius, D. Mendoza, J. Zerafa (L. Galea  78’), K. Ante Rosero (O. Elouni 83′), D. Segura, R. Tachikawa, W. Gomes (J. Magri Overend 69’)

Imwissija: R. Caruana 72’, R. Tachikawa 88’ (S)

Skorjaw: W. Gomes 6’, 39′, R. Tachikawa 18′ (S), M. Fontanella 11’, K. Nwoko 72′ (V)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Thomas Debono, Luke Portelli

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: David Mendoza (Santa Lucia)

BOV Plejer tal-logħba: Wilkerson Gomes (Santa Lucia)

Attendenza: 946

Santa Lucia wettqu l-ewwel sorpriża tal-istaġun hekk kif fid-debutt tagħhom fil-Kampjonat Premier ħasdu liċ-champions Valletta b’rebħa ta’ 3-2. Santa Lucia ħadu vantaġġ mill-ewwel taqsima fqira ta’ Valletta li kienu statiċi u miftuħin. Fit-tieni taqsima l-istorja kienet differenti iżda minkejja l-attakkki kontinwi, Valletta ma rnexxielhomx isalvaw punt għal bidu diżappuntanti.

Santa Lucia fetħu l-iskor wara biss sitt minuti b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ WILKERSON GOMES li ħasad lil Henry Bonello, bil-ballun jispiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Reazzjoni immedjata ta’ Valletta li fit-12-il minuta ġabu d-draw meta Joseph Zerafa tefa’ ballun fit-tul fuq ix-xellug lejn MARIO FONTANELLA li avvanza u għeleb lil Ryan Caruana b’xutt fil-baxx.

Ħafna setgħu jaħsbu li dan il-gowl kien se jaqta’ qalb Santa Lucia iżda t-tim promoss reġa’ mar minn fuq fit-18-il minuta. Din id-darba kien REI TACHIKAWA li mix-xelluġ ġibed għan-nofs u tħalla bi spazju quddiemu biex b’xutt b’saħħtu iżda ċentrali għeleb lil Bonello, f’xutt li l-gowlkiper Belti seta’ għamel aħjar. L-istess Ġappuniż prova b’xutt ieħor minn barra l-kaxxa fil-25 minuta li iżda spiċċa ftit barra.

Valletta baqgħu jsibuha diffiċli biex jimmanuvraw fl-attakk filwaqt li Santa Lucia bdew joperaw b’kontrattakki miċidjali. Fis-37 minuta, Wilkerson Gomes għeleb in-nasba tal-offside u avvanza iżda x-xutt fil-baxx kien salvat minn saqajn Bonello.

L-iskor sar 3-1 fid-39 minuta meta d-difiża Beltija kienet miftuħa beraħ, b’Diego Sagura jiftaħ fuq il-lemin lejn WILKERSON GOMES li qabbeż fuq Henry Bonello hekk kif il-gowlkiper Belti nqabad sew barra minn postu.

Tliet minuti wara, Valletta reġgħu pruvaw jidħlu fil-logħba b’żewġ xuttijiet fil-baxx ta’ Yuri Messias u Joseph Zerafa iżda l-gowlkiper Ryan Caruana salva ż-żewġ tentattivi. Valletta ssugraw li jidħlu jistrieħu 4-1 minn taħt, b’kontrattakk ieħor wara żball ta’ Zerafa, bix-xutt finali ta’ Walker jgħaddi għoli.

Valletta ħarġu jfittxu l-gowl fit-tieni taqsima u l-ewwel azzjoni perikoluża li ħolqu kienet fil-55 minuta bi kross ta’ Messias isib lil Kyrian Nwoko iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet fuq il-lasta. Tliet minuti wara Messias prova b’xutt fil-baxx li kien salvat.

Il-Beltin kienu għoddhom naqqsu d-distakk fit-62 minuta meta Messias ġie waħdu fil-kaxxa iżda minflok jixxuttja għażel li jqassam lil Fontanella li skorja iżda kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Wara dan iċ-ċans, Valletta kellhom żewġ okkażjonijiet li fallewhom minn Enmy Pena Beltre u Yuri Messias iżda daħlu fil-logħba fit-72 minuta bi kross ta’ Zerafa jsib lil Fontanella li bir-ras kompla lejn KYRIAN NWOKO li skorja mill-qrib bir-ras.

Valletta xeħtu kollox fuq l-attakk fl-aħħar minuti iżda minkejja l-isforzi finali, ma setgħux isibu l-gowl li jevita t-telfa.