SIRENS…………………………. 1 SENGLEA ATHLETIC………………….. 1
Sirens: D. Cassar, R. Romao, R. dos Anjos, A. Borg, A. Bustos, R. Grech, I. Adeshina, S. Eddin Arab (T. Espindola 76’), W. de Oliveira, F. Cheveresan, E. Okoye
Senglea: M. Farrugia, M. Micallef (E. Zamble 75’), S. Olberkis, M. Todorovic, K. Pulo (L. Grech 57’) D. Xuereb, S. Cipriott (J. Tanti 46’), E. Sakyi, M. Dias, T. Marukawa, J. Teixeira
Imwissija: E. Okoye 25’, I. Adeshina 37’, A. Borg 89’ (Si), D. Xuereb 60’ (Se)
Skorjaw: E. Okoye 40’ (Si), J. Teixeira 80’ (Se)
Referee: Philip Farrugia
Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Theodore Zammit
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: David Xuereb (Senglea Athletic)
BOV Plejer tal-logħba: Raphael dos Anjos (Sirens)
Senglea Athletic evitaw telfa u anki setgħu rebħu l-logħba. Għal Sirens dan kien id-debutt tagħhom fil-Kampjonat Premier u rnexxielhom joħorġu mil-logħba b’punt, draw li kien meritat għall-isforzi tal-avversarji.
Iż-żewġ timijiet għamlu diversi tibdil f’dan is-suq tat-trasferimenti. Mill-istaġun li għadda, Senglea kellhom biss lill-gowlkiper Matthew Farrugia u lil Taisei Marukawa li bdew mill-bidu. Fuq in-naħa l-oħra, Ryan Grech, Angel Bustos u Ige Adeshina kienu l-uniċi li kienu fil-formazzjoni inizjali u lagħbu fl-Ewwel Diviżjoni l-istaġun li għadda.
Senglea ħolqu l-ewwel periklu wara 12-il minuta b’xutt fil-baxx ta’ Taisei Marukawa li kien salvat minn David Cassar. Minuta wara ċans ieħor għal Senglea bi kross mil-lemin ta’ Marcelo Dias isib lil Jose Teixeira li daħal tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet barra.
Sirens kellhom opportunità tajba li jiftħu l-iskor fl-ewwel okkażjoni denja tagħhom. Kien fis-27 minuta li Siraj Eddin Arab ħa vantaġġ minn żball ta’ Mirko Todorovic iżda x-xutt mill-viċin kien ċentrali u blokkat f’korner minn Matthew Farrugia.
It-tim ta’ Steve D’Amato tjieb mal-ħin u fl-40 minuta fetaħ l-iskor b’EMMANUEL OKOYE jqabbeż il-ballun fuq Matthew Farrugia mix-xellug. L-unika reazzjoni ta’ Senglea qabel tmiem l-ewwel taqsima waslet b’xutt ta’ Elvis Sakyi li kien imxellef, b’David Cassar isalva.
Sirens fetħu t-tieni taqsima fuq l-attakk u fil-50 minuta setgħu rduppjaw bi kross ta’ Wellington De Oliveira mil-lemin lejn Flavio Cheveresan li ssikkat minn Mano Micallef ikkonkluda dgħajjef u Farrugia salva fil-ħin. Żewġ minuti wara, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ige Adeshina għadda fuq il-lasta.
Senglea, anki bil-bidliet li saru, kellhom aktar inizjattiva hekk kif Sirens bdew ibatu fiżikament. Fit-78 minuta huma kellhom ċans li jġibu d-draw meta ngħataw penalty wara li r-referee Philip Farrugia ġġudika li Ryan Grech waqqa’ lis-sostitut Jan Tanti. Mill-11-il metru nkariga ruħu Jose Teixeira li kellu x-xutt fuq il-lemin tiegħu salvat tajjeb minn David Cassar.
Iżda JOSE TEIXEIRA rnexxielu jiskorja żewġ minuti wara anki jekk bi ftit fortuna. Hu rċieva mingħand is-sostitut Leighton Grech u ġibed il-ballun għan-nofs, bix-xutt fil-baxx ikun imxellef u qarraq b’David Cassar.
Proprju fit-93 minuta, Senglea kellhom ċans tad-deheb li jirbħu l-logħba. Taisei Marukawa qassam fil-baxx fl-ispazju lejn is-sostitut Wilfried Zamble li ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Cassar iżda xxuttja dgħajjef f’dak li faċilment seta’ kien il-gowl tar-rebħa.
//= $special ?>