Internazzjonali

Tensjoni bejn Franza u l-Brazil dwar in-nirien fl-Amazon

Il-President tal-Brazil qed jakkuża lil pajjiżi oħra b’indħil hekk kif dawn qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar dak li qed jiġri fil-foresti tal-Amazon.

Bħalissa f’dawn il-foresti hemm iktar min 74,000 nar f’zoni differenti – żieda ta’ 84% meta mqabbel ma’ dawk tas-sena l-oħra, u d-daħna hija viżibbli sa 400 mil ‘i fuq mill-ispazju.

It-tħassib tal-mexxejja dinjin qiegħed kull ma jmur jiżdied, għaliex l-Amazon, li huwa deskritt bħala l-pulmun tad-dinja, jassorbi ammonti kbar ta’ karbonju diossidu mill-arja.

Il-President Franċiz Emanuel Macron qal li n-nirien huma kriżi internazzjonali, u fi Tweet kiteb: “Darna qed tinħaraq. Litteralment. Il-foresti tal-Amazon, il-pulmun li jipproduċi 20% tal-ossiġnu tal-pjaneta kollha, qiegħed jaqbad”.

Iżda kliem Macron xejn ma niżel tajjeb ma’ Jair Bolsonaro, il-President Brażiljan, li wieġeb lura li jiddispjaċih li Macron qed jipprova jieħu vantaġġ politiku minn fuq kwestjoni inerna tal-Brażil u pajjiżi oħra tal-Amazon. Hu kompla jgħid li t-ton sensazzjonalist tal-President Franċiż ma jagħmel xejn biex isolvi l-problema.  Bolsonaro qal ukoll li l-media qed tipprova timmina lill-Gvern u li trid li l-Brazil jispiċċa bħall-Venezuela.