Chelsea rnexxielhom jiksbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-Premier League wara li f’Carrow Road għelbu lit-tim promoss Norwich 3-2. Protagonist għat-tim ta’ Frank Lampard kien l-attakkant Tammy Abraham li skorja doppjetta biex neħħa ftit mill-pressjoni li kellu fuqu fil-bidu ta’ dan l-istaġun.
L-attakkant żagħżugħ fetaħ l-iskor wara tliet minuti b’xutt mill-ewwel fil-baxx wara kross mil-lemin. Reazzjoni minn Norwich li tliet minuti wara ġabu d-draw permezz ta’ Todd Cantwell li kompla għal ġewwa wara li rċieva kross ta’ Teemu Pukki.
Chelsea reġgħu marru minn fuq fit-18-il minuta biż-żagħżugħ Mason Mount jiskorja t-tieni gowl konsekuttiv meta ġibed għan-nofs fil-kaxxa u skorja minn qagħda tajba. Madankollu Norwich reġgħu għamlu l-iskor indaqs bil-prolifiku Teemu Pukki jegħleb lil Kepa Arrizabalaga wara li rċieva ballun quddiemu.
It-tim minn Londra skorja l-gowl tar-rebħa fit-68 minuta b’xutt sabiħ fil-baxx minbarra l-kaxxa ta’ Tammy Abraham.
//= $special ?>