Lokali

Aktar minn 350 immigrant jinġiebu Malta

Malta laqgħet lill-grupp ta’ immigranti minkejja li dawn ma ġewx salvati f’ibħra territorjali Maltin

Tard il-Ġimgħa filgħaxija waslu Malta t-356 immigrant li ġew salvati mill-bastiment Ocean Viking. Huma waslu għall-ħabta tal-10pm, kollha mgħobbija l-patrol boat P61 tal-Forzi Armati ta’ Malta, u ddaħħlu f’Xatt it-Tiben.

Dan hekk kif aktar kmieni matul il-jum, il-Prim Ministeru Joseph Muscat ħabbar fuq Twitter li kien qed jaċċetta d-dħul ta’ dawn l-immigranti. L-aħbar kienet ikkonfermata ftit wara fi stqarrija tal-Gvern.

Il-grupp ta’ immigranti ma kienux salvati fl-ibħra territorjali Maltin, bil-bastiment dam madwar 14-il jum f’nofs ta’ baħar wara li l-Gvern Taljan tenna li ma riedx jaċċetta lanqas lil dan il-bastiment f’Lampedusa.

Il-pożizzjoni tal-Gvern Taljan, partikolarment tad-Deputat Prim Ministru Matteo Salvini, ħolqot qasma kbira fost il-partiti li jiffurmaw il-koalizzjoni fit-tmexxija tal-pajjiż.

Kien f’dan l-istadju li ntervjena l-Gvern Malti, li fl-istqarrija qal li d-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ għadd ta’ Stati Membri, li għandhom jieħdu l-immigranti huma.

L-aħbar intlaqgħet b’sodisfazzjon mill-immigranti abbord, li issa setgħu jitħallew jinżlu fuq l-art. Kien għalhekk li dawn tgħabbew fil-patrol boat tal-Armata Maltija, li bdiet triqtha lejn Xatt it-Tiben.

S’issa għadu mhux magħruf meta dawn it-356 immigrant se jkunu rilokati … l-istess kif qatt ma sar magħruf meta l-immigranti li ddaħħlu minn fuq bastimenti oħrajn ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi ħallew pajjiżna skont il-ftehim li ntlaħaq dakinhar.

Il-bastiment Ocean Viking, li qabel kien jismu Aquarius, jitmexxa mill-organizzazzjoni SOS Mediterranee u mill-Medicines Sans Frontiers. Fl-aħħar ġimgħat, hu kien fuq missjoni ta’ salvataġġ madwar 50 mil nawtiku ‘l barra mil-Libja … minfejn inġabru l-parti l-kbira ta’ dawn l-immigranti.

Il-membri tal-ekwipaġġ abbord l-Ocean Viking ikkummentaw dwar il-fatt li kellhom jinżammu 14-il ġurnata bejn sema u ilma qabel din is-sitwazzjoni setgħet tissolva.

Huma qalu li dan id-dewmien wassal għal aktar tbatija għall-immigranti, speċjalment wara l-biċċa vjaġġ li jkunu għamlu qabel abbord,. id-dgħajsa li tkun ħarġithom f’nofs ta’ baħar.