Futbol Sport

Gudja United jrażżnu l-qawwa Pawlista

(Ritratt: Domenic Aquilina)

GUDJA UNITED………………….. 1 HIBERNIANS……………………… 1

Gudja: J. Debono, J. Grioli, J. Bolanos, A. Miranda, Z. Cassar (M. Attard 78’), A. de Barros, H. Vella, A. Friggieri (J. Bondin 85’), G. Mensah, C. Santana Barroso (D. Grima 68’), R. Winchester

Hibernians: M. Jovicic, T. Tabone Desira, A. Agius, F. Apap, J. Mbong, D. Vella, B. Kristensen (G. Artiles 52’), J. Grech, C. Atsina (L. Barbosa 88’), L. Nanni, T. Groothusen (M. Beerman 74’)

Imwissija: A. Agius 9’, B. Kristensen 13’, F. Apap 28’, G. Artiles 78’ (H), J. Bolanos 94’ (G)

Skorjaw: J. Grioli 50’ (G), J. Grech 52’ (H)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Theodore Zammit

Il-Mument Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

Attendenza: 436

Gudja United għamlu bħat-timijiet promossi l-oħra u ma kinux megħluba meta żammew lil Hibernians 1-1. Prestazzjoni pożittiva minn Gudja li ssieltu u anki kellhom jiddefendu speċjalment fl-aħħar kwart tal-logħba.

Hibernians naqsu li juru l-potenzjal fl-attakk b’Terrence Groothusen u Charles Atsina jkollhom logħba kwieta filwaqt li Leonardo Nanni ma ħalliex l-impatt mixtieq. Mill-istaġun li għadda, Hibernians kellhom lil Ferdinando Apap, Terrence Groothusen, Charles Atsina u Leonardo Nanni li għamlu d-debutt filwaqt li Gabriel Artiles u Myles Beerman daħlu bħala sostituti.

L-ewwel azzjoni waslet wara ħames minuti b’Rundell Winchester jgħaddi mix-xellug u tefa’ kross fil-baxx lejn Aidan Friggieri li daħal tajjeb iżda x-xutt għadda ftit barra. Hibernians ħasbu li marru fil-vantaġġ fl-10 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Ferdinando Apap minn free-kick ta’ Jake Grech iżda l-gowl tħassar għal offside.

Ċans għal Gudja fit-22 minuta b’Winchester iniżżel lejn Gabriel Mensah li ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Mensah kellu okkażjoni oħra fit-38 minuta meta għeleb in-nasba tal-offside biex irċieva kross mil-lemin ta’ Anderson de Barros, iżda x-xutt mill-viċin ġie salvat tajjeb minn Marko Jovicic. Daqstant ieħor kien attent Jonathan Debono fil-41 minuta meta l-ewwel dawwar f’korner daqqa ta’ ras ta’ Andrei Agius, biex fil-45 minuta salva b’mod brillanti daqqa ta’ ras b’saħħitha ta’ Bjorn Kristensen.

Gudja fetħu tajjeb it-tieni taqsima u wara 34 sekonda għal ftit ma marrux fil-vantaġġ b’azzjoni ta’ Rundell Winchester li fuq il-lemin qabeż lil Ferdinando Apap u minn pożizzjoni angolata għeleb lil Marko Jovicic iżda ġie mċaħħad mill-mimduda. Erba’ minuti wara, Jovicic kien providenzjali meta dawwar f’korner b’diffikultà kross xutt ta’ Zach Cassar.

It-tim ta’ Josef Mansueto mar fil-vantaġġ fil-51 minuta meta Carlos Santana tefa’ kross mil-lemin lejn JUSTIN GRIOLI li rebaħ dwell u skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin. Ir-reazzjoni ta’ Hibernians kienet immedjata tant li ġabu d-draw tliet minuti wara b’konklużjoni preċiża u fil-baxx ta’ JAKE GRECH li għeleb lil Jonathan Debono.

Hibernians reġgħu ħadu l-kontroll tal-logħba, b’Gudja joperaw bil-kontrattakk. Fit-62 minuta Andrei Agius mar viċin b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra biex minuta wara azzjoni personali ta’ Jake Grech intemmet b’xutt li għadda ftit barra.

Okkażjoni tad-deheb għal Gudja fis-67 minuta b’azzjoni tajba ta’ Friggieri mix-xellug li tefa’ kross fil-baxx lejn Winchester li minn quddiem Jovicic ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Fl-aħħar kwart tal-logħba, Hibernians tefgħu l-pressjoni fuq l-avversarji u kellhom nofs ċans f’diversi okkażjonijiet iżda d-difiża ta’ Gudja rnexxielha b’xi mod tassorbi l-pressjoni.