Int żagħżugħ? … Mara? … Raġel?
Int min int, hu meta hu, il-Bank tad-Demm matul is-sena kollha jkollu bżonn id-demm … b’mod speċjali għal-pazjenti tal-kanċer, li aktar ma jmur, aktar din il-marda qed tiżdied fostna.
Nismgħu ħafna bl-importanza tal-għoti tad-demm … iżda x’inhi l-vera importanza fejn jidħol il-Bank tad-Demm?
Ma’ kull min iltqajna, kemm Infermieri u anke donaturi tad-demm, saħqu li mhux biss l-għoti regolari tad-demm hu importanti, iżda anke l-pjastrini, li sfortunatament mhux kull persuna tista’ toffrihom. Dawn jintużaw f’każi ta’ emoreġiji maġġuri u għat-trattament tal-lukimja, fost l-oħrajn.
Joanna Pecorella, donatur għal aktar minn 30 sena, tkellmet ma’ NET News u b’sodisfazzjon qalet li bħalma hi kkontribwixxiet biex issalva ħajja, tixtieq li aktar nies jagħmlu bħalha. Qaltilna għaliex dan huwa tant importanti.
Madankollu, fost dawk irreġistrati, hemm anqas nisa milli rġiel. Għalhekk, l-appell lin-nisa biex jekk jistgħu, jagħtu xi ħaġa żgħira li għal ħaddieħor tista’ tfisser ħajja jew mewt.
Iżda għal dawk li forsi jħossuhom xi ftit jew wisq skomdi jew beżgħana, meta wieħed jidħol fil-Bank tad-Demm, mal-ewwel jinsa kollox għax l-infermiera kollha jilqgħuk bi tbissima fuq wiċċhom.
Madankollu, Joanna esprimiet ix-xewqa li l-ħinijiet ikunu ftit itwal biex jakkomodaw aktar ħaddiema.
Min-naħa tagħhom, l-istaff fil-Bank tad-Demm assigurawna li qed jaħdmu biex fil-ġimgħat li ġejjin ikomplu jtejbu s-servizz għall-kumdità tad-donaturi.
Minn naħa l-oħra, NET News tkellem ukoll ma’ Martin Bugelli u ibnu – żewġ donaturi regolari, fosthom anke tal-platelets – li anke huma jħeġġu lill-qraba u l-ħbieb tagħhom, filwaqt li xtaqu li aktar nies jagħmlu bħalhom.
Aktar nies preżenti fil-Bank tad-Demm tkellmu magħna dwar din l-esperjenza.
Sadanittant, il-Ħadd il-Mobile Unit se jkun ħdejn il-Knisja ta’ Marsaskala bejn it-8.30 u s-1 ta’ waranofsinhar, filwaqt li l-Għawdxin jistgħu jmorru t-Tlieta jew fl-ewwel ta’ Settembru fil-Berġa tax-Xewkija bejn is-1 u l-5 ta’ waranofsinhar.
U l-Bank tad-Demm fi Gwardamanġa jiftaħ kuljum bejn it-8 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija … inkluż fil-Ħdud u l-Festi.
//= $special ?>