Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, ħareġ id-direttivi lill-Armata tiegħu biex tikkumbatti n-nirien qalb il-foresti tal-Amazon li qed joħolqu straġi rekord. Dan meta ħafna pajjiżi jinsabu preokkupati dwar il-kriżi tad-deforestazzjoni li għandha tħalli l-effetti negattivi għad-dinja kollha.
Is-suldati Brażiljani issa qed ikunu stazzjonati qalb ir-riservi naturali u l-artijiet indiġeni, b’ numru sostanzjali ta’ militar qegħdin iħarsu z-zoni fil-periferji tan-nirien li ilhom jeqirdu r-rainforest tal-Brażil għal diversi jiem.
Jidher ukoll li Bolsonaro, issa, qed jaġixxi b’mod differenti għal kollox meta qabel hu kien akkużat dwar politika li inkoraġġiet il-qerda tal-foresti u l-artijiet naturali biex isir l-ispazju għall-proġetti tal-iżvilupp.
Sadanittant, numru ta’ pajjiżi heddew li jieħdu miżuri kontra l-ekonomija tal-Brażil f’każ li l-Gvern Brażiljan ma jidhirx li qed jagħmel sforzi konkreti biex jindirizza l-kriżi tal-Amażonja. Franza u l-Irlanda t-tnejn qalu li mgħandhomx jirratifikaw ftehim kummerċjali mal-pajjiżi tal-Amerika Latina f’każ li s-sitwazzjoni fl-Amażonja ma tkunx indirizzata.
Min-naħa tagħha, il-Finlandja sejħet biex l-Unjoni Ewropea tikkunsidra li tipprojbixxi l-importazzjoni taċ-ċanga mill-Brażil fid-dawl taċ-ċirkustanzi.
F’diskors li għamel fuq il-mezzi tax-xandir, il-President Bolsonaro qal li n-nirien qalb il-foresti jeżistu madwar id-dinja u li mhux sew li n-nirien fil-Brażil jintużaw bħala skuża għal sanzjonijiet internazzjonali kontra pajjiżu. Dan meta hemm is-sinjali li ħafna min-nirien fl-Amażonja setgħu tqabbdu apposta, bis-suspett jaqa’ fuq il-bdiewa li kapaċi jibbenefikaw finanzjarjament mit-tkabbir tal-artijiet tagħhom.
Il-President Bolsonaro hu magħruf bħala avversarju qalil tal-ambjentalisti u kien favur li jitnaddfu zoni sħaħ tal-Amazon fl-interessi tad-diversi proġetti, inklużi dawk li jinvolvu l-minjieri. L-esperti u l-attivisti favur il-klima qed jgħidu wkoll li l-Gvern ta’ Bolsonaro, li hu politiku tal-lemin estremista, ta l-permess tiegħu għall-qerda tar-rainforest tal-Brażil.
Fil-preżent, l-attivisti favur l-ambjent qegħdin jipprotestaw fl-ibliet tal-Brażil, fost l-insistenza għal azzjonijiet lejn it-trażżin tan-nirien fir-rainforest. Dan waqt li d-dimostranti qegħdin iwasslu l-istess messaġġ quddiem l-ambaxxati tal-Brażil madwar id-dinja.
//= $special ?>