Lokali

“Il-ġudikatura f’pajjiżna mhix indipendenti” – Giovanni Bonello

Sakemm il-Ġudikatura hi kkontrollata mill-Gvern, ma tikkwalifikax bħala “indipendenti u imparzjali”. Hekk sostna l-Imħallef għad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello.

L-Imħallef Emeritus Bonello, li nħatar fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1998, ġie intervistat minn Newsbook.com.mt dwar ir-Riforma Kostituzzjonali proposta.

Hu tenna li l-Kostituzzjoni Maltija hi tajba kif inhi, jekk tkun rispettata. Iżda mistoqsi dwar jekk il-Ġudikatura Maltija tikkwalifikax kollha kemm hi bħala Ġudikatura Indipendenti taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hu qal li “assolutament le”.

Spjega li sakemm il-Ġudikatura tkun ikkontrollata mill-Eżekuttiv, ma tikkwalifikax bħala “indipendenti”.

Il-Kostituzzjoni tipprovdi għas-separazzjoni tal-poter bejn l-Eżekuttiv (il-Gvern), il-Leġiżlattiv (il-Parlament) u l-Ġudikatura. Kull fergħa tingħata ċerti setgħat biex tivverifika u tibbilanċja l-fergħat l-oħra. Kull fergħa għandha qawwa separata u, ġeneralment, kull fergħa mhix permessa teżerċita l-poteri tal-fergħat l-oħra.

Madankollu, l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello osserva li l-Ġudikatura Maltija hi moħbija u kkontrollata mill-Prim Ministru.

Il-Kummissjoni Venezja, fl-opinjoni legali tagħha, kienet osservat li ħafna poter hu kkonċentrat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fil-fatt, Bonello rrimarka li f’Malta m’hemm l-ebda separazzjoni tal-poter minħabba l-mod kif tintlaqa’ l-Kostituzzjoni.

Bonello kkummenta li l-bidliet li wettaq il-Gvern Laburista għamlu s-sitwazzjoni agħar. Qal li filwaqt li fil-passat, il-Prim Ministru għażel u ħatar membri ġodda tal-Ġudikaturi, is-sitwazzjoni issa hi li hemm tip ta’ Kummissjoni li tagħti parir lill-Prim Ministru.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, il-Prim Ministru jagħżel lil min għandu jaħtar.