Tliet xhur wara l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, fit-toroq ta’ pajjiżna għadek tara għadd ta’ billboards li suppost ilhom ġimgħat li tneħħew minn posthom.
Il-ġurnal Times of Malta rrapporta li wħud minn dawn huma propjetà ta’ kumpanija li sa mill-elezzjoni tal-2013 ilha tipprovdi l-billboards lill-Partit Laburista. U minkejja l-Enforcement Order mill-Awtorità tal-Ippjanar, dawn xorta tħallew fit-toroq jippromwovu prodotti lokali diversi.
Il-ġurnal kompla li din is-sitwazzjoni qed titfa’ f’pożizzjoni ambigwa wkoll lil għadd ta’ Sindki Laburisti, li qed isibu ruħhom bejn ħalltejn – bejn il-kritika tar-residenti tal-lokalitajiet tagħhom u l-pressjoni mill-Partit Laburista biex ma jtellfux lill-kumpanija li ilha s-snin taqdih.
Is-Sindki Laburisti qed jirċievu l-kritika li s-sitwazzjoni spiċċat waħda ta’ “free for all” u li dan kollu ma jistax jibqa’ jkun aċċettat.
Il-kumpanija in kwistjoni hi ta’ negozjanti qrib ħafna tal-Partit Laburista, fosthom ta’ persuna li appena Muscat rebaħ il-Gvern fl-2013, kien appuntat bħala Ambaxxatur. Dan meta, skont il-ġurnal, il-kumpanija ssupplixxiet lill-Partit Laburista b’għexieren ta’ billboards, li jiswew eluf ta’ ewro.
L-istess sidien tal-kumpanija għażlu li ma jwieġbux mistoqsijiet mibgħuta lilhom mit-Times of Malta … fost l-oħrajn kif qed jibqgħu jinjoraw għalkollox in-notifiki li nħarġulhom mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Ironikament, uħud minn dawn il-billboards qed ikunu użati wkoll għal reklamar ta’ diversi Ministeri – fosthom tal-Ministeru tat-Turiżmu mmexxi minn Konrad Mizzi u tal-Ministeru tat-Trasport immexxi minn Ian Borg.
Barra minhekk, uħud minn dawn il-billboards illegali ngħatalhom ukoll is-servizz tal-elettriku mill-kumpanija tal-Istat, l-Enemalta, li mistoqsija mill-ġurnal, iġġustifikat billi qalet li l-istrutturi kienu temporanji u għalhekk, ma kienx jinħtieġilhom permess tal-ippjanar.
//= $special ?>