Futbol Sport

Juventus jibdew id-difiża tat-titlu mingħajr il-kowċ Maurizio Sarri … Fiorentina jilqgħu lil Napoli

(Ritratt: Juventus FC)

Iċ-champions Juventus se jiftħu s-Serie A b’konfront fi Stadio Ennio Tardini kontra Parma, hekk kif jittamaw li jibdew il-mixja lejn id-disa’ kampjonat konsekuttiv b’rebħa. Iżda huma se jkunu mingħajr il-kowċ il-dġdi tagħhom Maurizio Sarri li qed jieħu l-kura għal pulmonite.

Parma diġà fetħu l-impenji uffiċjali b’rebħa kontra Venezia fil-Coppa Italia l-ġimgħa l-oħra. Huma għamlu ftit irtokki mill-istaġun li għadda bi plejers bħal Andrea Adorante, Gaston Brugman u Yann Karamoh isaħħu t-tim ta’ Roberto D’Aversa.

Juventus għamlu wkoll it-tibdil tagħhom f’dan is-sajf hekk kif għamlu l-akkwist importanti ta’ Matthijs de Ligt, kif ukoll akkwistaw lil Aaron Ramsey, Adrien Rabiot u r-ritorn ta’ Gianluigi Buffon wara li kienu spiċċawlhom il-kuntratt. Huma neħħew lil Joao Cancelo fi trasferiment li ra lil Danilo jingħaqad mal-Bianconeri, filwaqt li Moise Kean ingħaqad ma’ Everton.

Parma hu tim li jilgħab il-kontrattakk bi plejers veloċi bħal Karamoh u Gervinho filwaqt li l-attakkant Roberto Inglese jista’ jkun perikoluż fl-ajru. Il-koppja Leonardo Bonucci u Giorgio Chiellini mistennija jibdew fil-qalba tad-difiża ta’ Juventus u mhux mistennija jkollhom logħba faċli.

Fil-logħba l-oħra tal-lum, Fiorentina mimlija entużjażmu jilqgħu fi Stadio Artemio Franchi lill-isfidanti għar-rebħ tal-kampjonat Napoli. L-istaġun li għadda kien diżappuntanti għal Fiorentina li salvaw fl-aħħar ġurnata bi ftit. Huma għaddew f’idejn Rocco Commisso li nissel fiduċja ġdida li l-Viola jistgħu jikkompetu ma’ ta’ fuq. Huma akkwistaw lill-eks Bayern Munich u veteran Franċiż Franck Ribery, kif ukoll lil Erick Pulgar, Milan Badelj li rritorna, Kevin-Prince Boateng u Pol Lirola li mhux mistenni jilgħab minħabba li weġġa’.

Napoli għandhom bżonn bidu b’saħħtu biex jikkonfermaw posthom bħala sfidanti serji għar-rebħ tas-Serie A. Sentejn ilu proprju f’dan l-istadium, Napoli kienu megħluba 3-0 u kienu ntemmu t-tamiet li jibqgħu b’ċans għall-kampjonat. Napoli ma kinux involuti ħafna iżda saħħew l-iskwadra bl-akkwist fid-difiża ta’ Kostas Manolas li se jifforma sħubija ma’ Kalidou Koulibaly. Huma akkwistaw ukoll lil Hirving Lozano li se jkun qed jagħti enerġija ġdida fl-attakk.  Dries Mertens mistenni jmexxi l-attakk ta’ Napoli hekk Arkadiusz Milik mhux fl-aħjar kundizzjoni.

L-ewwel ġurnata tas-Serie A

Illum: Parma v Juventus 6.00pm, Fiorentina v Napoli 8.45pm

Għada: Udinese v Milan 6.00pm, Roma v Genoa 8.45pm, Cagliari v Brescia 8.45pm, Sampdoria v Lazio 8.45pm, Spal v Atalanta 8.45pm, Torino v Sassuolo 8.45pm, Verona v Bologna 8.45pm

It-Tnejn: Inter v Lecce 8.45pm