Internazzjonali

L-effetti tal-ħruq tal-foresti tal-Amażonja huma mingħajr limiti

Il-ħruq tal-foresta Amażonja mhux biss qed jaffetwa lill-Brażi, iżda l-effetti fuq skala globali huma mingħajr limiti.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ambjentalist u Direttur ta’ Friends of the Earth Malta, Martin Galea De Giovanni, f’intervista ma’ NET News.

L-Amażonja hi l-akbar foresta fid-dinja, deskritta minn ħafna bħala l-pulmun tad-dinja għax bl-ammont ta’ siġar li kienet tħaddan, tgħin biex tipprovdi ossiġnu u arja nadifa.

Il-ħruq tal-foresti tal-Amażonja qed iwassal għal kollass tas-sistemi ekoloġiċi, li huma wħud mill-aktar kumplessi fid-dinja. Ix-Xjentisti ddiskrivew dan il-kollass bħala wieħed li se jħalli impatt bla preċedent.

Friends of the Earth Malta taħdem fost l-oħrajn fuq affarijiet li jħallu effett negattiv fuq il-bidla tal-klima.

Fl-aħħar snin, il-bidla fil-klima saret problema iżjed rikonoxxuta, tant li issa qed jinħassu l-effetti ta’ din il-bidla li huma ta’ detriment: fosthom iż-żieda fit-temperaturi li qed taħkimna.

Bosta jisħqu li l-konsum eċċessiv tal-laħam u ikel simili jikkontribwixxi għall-bidla fil-klima. U minkejja dan, is-suq u l-industrija tal-laħam qegħdin dejjem jikbru.

Martin De Giovanni spjega wkoll li qed nirriskjaw li naslu f’punt kritiku … b’ linja li meta naqbżuha, ma nistgħux nerġgħu lura minnha u jkollna naffaċċjaw ir-riperkussjonijiet.

Sadanittant, dwar il-ħruq fil-foresta tal-Amażonja kien hemm bosta li esprimew id-dispjaċir tagħhom fuq il-media soċjali, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li fuq Facebook saħaq li l-pjaneta tagħna ħadet in-nar.