Futbol Sport

Liverpool waħedhom fil-quċċata tal-Premier League

(Ritratt: EPA)

Liverpool jinsabu waħedhom fil-quċċata tal-Premier League u għandhom punti massimi mill-ewwel tliet logħbiet tal-istaġun wara li lbieraħ kisbu rebħa tajba fuq Arsenal f’Anfield Road, b’din tkun anki l-ewwel telfa għall-Gunners wara l-bidu inkoraġġanti għall-istaġun.

Fil-verità, il-Gunners dejjem batew f’dan il-grawnd u minkejja li tellgħu xi azzjonjiet perikolużi waqt l-ewwel taqsima, ftit kien hemm dubju dwar id-destinazzjoni tal-punti ladarba Joel Matip sab ix-xibka bir-ras fil-41 minuta mill-korner ta’ Trent Alexander-Arnold.

Filfatt, il-bidu tat-tieni taqsima kien diżastruż għal Arsenal meta David Luiz ġibed il-flokk ta’ Mohamed Salah fil-kaxxa għal penalty ċar, bl-attakkant Eġizzjan jirdoppja għal Liverpool b’xutt qawwi għar-rokna.

Il-gowl iddemoralizza għal kollox lill-Gunners, b’Liverpool iżidu t-tielet gowl mas-siegħa logħob meta Salah żgiċċa lil Luis u daħal fil-kaxxa qabel għeleb mill-ġdid lill-gowlkiper Leno. Arsenal qamu ftit fl-aħħar ħinijiet u kisbu gowl ta’ konsolazzjoni minn Lucas Torreira li naqqas id-distakk wara li sab ruħu żmarkat fil-kaxxa.