Futbol Sport

Manchester United maħsuda minn Crystal Palace f’Old Trafford

(Ritratt: Premier League)

Gowl fil-ħin miżjud ħasad lil Manchester United li kienu megħluba f’Old Trafford bl-iskor ta’ 2-1 minn Crystal Palace, biex b’hekk sofrew l-ewwel telfa tal-kampjonat filwaqt li Palace kisbu l-ewwel rebħa.

Wara dominanza assoluta fl-ewwel 30 minuta tal-logħba, ir-Red Devils kienu sorpriżi meta Jordan Ayew għeleb lil David De Gea wara li rċieva mingħand Jeffrey Schlupp. Manchester United komplew bil-pressjoni tagħhom fit-tieni taqsima u kellhom l-okkażjoni tad-draw fis-70 minuta meta Scott McTominay twaqqa’ fil-kaxxa, iżda l-penalty ta’ Marcus Rashford stampa mal-wieqfa.

Huma ħasbu li evitaw it-telfa fid-89 minuta meta kkombinaw tajjeb, b’Martial iqassam lejn Daniel James li pinġa ballun fis-saqaf tax-xibka. Iżda l-logħba ma kinitx għadha spiċċat għaliex Crystal Palace skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-93 minuta meta Wilfried Zaha tilef il-ballun parzjalment li spiċċa għand id-difensur Patrick van Aanholt li għeleb lil De Gea b’xutt fuq l-ewwel lasta.

Riżultati oħra tal-lum: Brighton 0 Southampton 2, Sheffield United 1 Leicester 2, Watford 1 West Ham 3