Futbol Sport

Napoli jirbħu logħba mill-isbaħ fi Stadio Artemio Franchi

(Ritratt: EPA)

Napoli kellhom bidu mill-aqwa għas-Serie A meta għelbu lil Fiorentina 4-3 fi Stadio Artemio Franchi f’logħba pjaċevoli li ħalliet lil kulħadd isegwi sal-aħħar. Fiorentina bdew l-istaġun b’entużjażmu kbir speċjalment wara l-akkwist ta’ Franck Ribery li għamel id-debutt fl-aħħar parti tal-logħba.

Kienu Fiorentina li fetħu l-iskor minn penalty ta’ ERICK PULGAR. Napoli rnexxielhom idawru l-logħba fi ftit minuti, l-ewwel permezz ta’ DRIES MERTENS li fit-38 minuta għeleb lil Bartlomiej Dragowski b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa, biex ħames minuti wara ngħataw penalty għal fawl fuq l-istess Mertens. Inkariga ruħu LORENZO INSIGNE li bagħat lil Dragowski n-naħa l-oħra tal-ballun.

Fiorentina ġabu d-draw fit-52 minuta b’daqqa ta’ ras b’saħħitha tad-difensur NIKOLA MILENKOVIC, bil-gowlkiper Alex Meret imiss biss il-ballun. Iżda Napoli reġgħu marru fil-vantaġġ erba’ minuti biss wara permezz tal-Ispanjol li rċieva fuq il-lemin u skorja b’xutt djagonali fil-baxx.

It-tim ta’ Vincenzo Montella wera l-kwalitajiet tiegħu biex ġab id-draw fil-65 minuta b’xutt fil-baxx tas-sostitut KEVIN-PRINCE BOATENG iżda proprju żewġ minuti wara, LORENZO INSIGNE skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Mertens tefa’ kross lejn Callejon li kompla għan-nofs lejn it-Taljan li bir-ras mill-qrib ma falliex. Fiorentina fittxew il-gowl tad-draw fl-aħħar minuti u anki pprotestaw għal penalty fuq Ribery iżda r-referee Davide Massa ħalla l-logħob għaddej.

Fl-ewwel logħba tal-kampjonat, Juventus kisbu rebħa diffiċli ta’ 1-0 kontra Parma fi Stadio Ennio Tardini. Juventus mingħajr il-kowċ Maurizio Sarri li qed jirkupra minn pulmonite, kellhom diversi plejers mhux fil-formazzjoni inizjali, fosthom id-difensur Matthijs de Ligt u Paulo Dybala.

Il-gowl deċiżiv wasal fil-21 minuta meta Luigi Seppe blokka parzjalment korner mil-lemin, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Alex Sandro li xxuttja mill-ewwel, b’GIORGIO CHIELLINI jmattar saqajh biex skorja.

Juventus kienu għoddhom irduppjaw fl-34 minuta meta Cristiano Ronaldo rċieva fuq il-lemin u bil-finta tipiku tiegħu skorja b’xutt fil-baxx, iżda l-gowl ġie mħassar għal offside millimetriku.

Serie A

Illum: Parma v Juventus 0-1, Fiorentina v Napoli 3-4

Għada: Udinese v Milan 6.00pm, Roma v Genoa 8.45pm, Cagliari v Brescia 8.45pm, Sampdoria v Lazio 8.45pm, Spal v Atalanta 8.45pm, Torino v Sassuolo 8.45pm, Verona v Bologna 8.45pm

It-Tnejn: Inter v Lecce 8.45pm