L-24 ta’ Awwissu jibqa’ mfakkar f’moħħ kulħadd għal meta l-Italja waqfet u bkiet lit-300 vittma wara t-terremot li heżżeż iċ-ċentru tal-Italja.
Theżżiża li tkejlet 6.2 fuq l-Iskala Richter, bl–epiċentru kien f’Accumoli, qrib Amatrice, fir-reġjun ta’ Lazio.
Tliet snin wara, ir-residenti taż-żewġ villaġġi nġabru fit-3.36am – propju fil-ħin meta nħasset it-theżżiża ewlenija – biex fis-skiet isellmu lill-vittmi.
Dakinhar, il-maġġorparti tal-vittmi – 230 – kienu mir-raħal ta’ Amatrice, filwaqt li aktar minn 350 persuna oħra kienu ndarbu u kellhom jittieħdu l-Isptar għall-kura.
Barra minhekk, 2,100 persuna ruħ kienu ngħataw ix-xelter f’kampijiet ta’ emerġenza, filwaqt li għadd ta’ pajjiżi Ewropej fittxew jipprovdu prodotti ta’ emerġenza – bħal ilma, kutri u anke ikel.
Involuti fil-ħidma ta’ salvataġġ kienu pparteċipaw ftit anqas minn 4,500 persuna, fost l-oħrajn anke bl-użu tal-ħelikopters.
Il-ħsara li saret kienet stmata li qabżet il-biljuni tal-ewro, iżda fuq kollox ħalliet straġi sħiħa f’ħajjet dawk milquta. Dan hekk kif parti mill-bini li ġġarraf tliet snin ilu, s’issa għadu lanqas biss beda jinbena.
//= $special ?>