Lokali

Fil-periklu tal-mewt hekk kif kien qed jgħereq

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Żagħżugħ ta’ 19-il sena qed isofri minn ġrieħi serji hekk kif għall-ħabta tas-6.15 ta’ filgħaxija sab diffikultà waqt li kien qed jgħum f’bajja f’San Pawl il-Baħar.

Iż-żagħżugħ mir-Rumanija iżda residenti l-Qawra ġie nnotat minn dawk ta’ madwaru li kien qed jgħereq u minnufih tgħellawh fuq l-art. Hu ngħata wkoll l-ewwel għajnuna minn dawk preżenti, filwaqt li ntalbet l-għajnuna ta’ tim mediku.

Fuq il-post waslet ambulanza li ħadet il-vittma l-Isptar Mater Dei għal kura fejn hemmhek ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.