Kultura Lokali

Il-moffa qed thedded xogħlijiet imprezzabbli tal-arti

“Matul ix-xhur tas-sena l-oħra meta kien qed isir il-proġett ta’ restawr u rinnovazzjoni ħalli jkun inawgurat il-proġett tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Belt Valletta, ix-xogħlijiet mhux biss kienu waqgħu ħafna lura, iżda għaliex il-Ministeru ta’ Owen Bonnici ried li dan ikun inawgurat fis-sena ddedikata għall-Belt Kapitali tal-Ewropa, allura volum mix-xogħlijiet jew ma sarux, jew ma tħallewx jinxfu sew jew ma kenux konklużi.

“Fi ftit kliem dawn ix-xogħlijiet spiċċaw saru bil-għaġġla u l-importanti għall-Gvern kien li f’Novembru li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici jaqgħtu ż-żigarella u jikxfu l-irħama tal-ftuħ ta’ dan il-Mużew li n-nefqa fih tammonta għal xejn inqas minn €10 miljun.

“Aħna bħala nies tekniċi konna nafu li dak li qed isir kien short term għaliex ix-xogħlijiet ma kenux qed isiru bil-galbu u b’mod professjonali. Ġieli ġbidna l-attenzjoni dwar dan, iżda jew ma kenux jagħtu kas ta’ dak li ngħidu aħna l-esperti, inkella kien ikun hemm min jgħidilna biex nagħlqu ħalqna ħalli nfittxu nlestu wara li x-xogħol kien waqa’ ħafna lura.”
Din l-istqarrija għamilha ma’ il-mument bniedem tekniku li ħadem viċin dan il-proġett ta’ restawr u rinnovament ta’ din il-binja fil-Belt Valletta bl-iskop li jkun żviluppat il-Mużew Nazzjonali tal-Arti ta’ pajjiżna.

Dan il-Mużew suppost li kellu jkun inawgurat fil-bidu tas-sena l-oħra fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea, iżda x-xogħlijiet baqgħu jqattru sa kważi tmiem is-sena meta mbagħad il-Gvern tah ferħ ta’ ġenn biex jinawgura qabel ma tgħaddi l-2018 dan il-proġett.

Issa jirriżulta – kif antiċipaw numru ta’ esperti – li hu wieħed mill-aktar bażwi fejn intefqu u tberbqu għadd ta’ miljuni fix-xejn għaliex volum ta’ xogħlijiet iridu jsiru mill-ġdid.

Il-bniedem tekniku li b’kunfidenzjalità tkellem ma’ il-mument beda biex qalilna li kien fl-10 ta’ Novembru li għadda li l-Gvern inawgura x-xogħlijiet il-ġodda tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti Kontemporanja. Dan wara li l-Berġa tal-Italja fi Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta – berġa antika tal-Kavallieri – saru fiha xogħlijiet estensivi fix-xhur ta’ qabel fiha u hekk inbidlet għal dik li issa saret magħrufa bħala MUŻA.

Min tkellem ma’ il-mument fissrilna li b’kollox kienu trasferiti f’din il-Berġa xejn inqas minn 20,000 xogħol artistiku… kollezzjoni imprezzabbli li kellha tpoġġi lil pajjiżna fil-mappa internazzjonali tal-wirjiet tal-arti miġbura f’mużewijiet tal-arti.

Ix-xogħlijiet li saru fil-Berġa tal-Italja swew xejn inqas minn €10 miljun iżda sa mill-bidu tar-restawr u r-rinnovament, deher biċ-ċar li x-xogħlijiet ma kenux se jsiru bis-serjetà għaliex l-affarijiet bdew isiru b’ħafna skossi u bit-tilqit sal-punt li f’mument minnhom dawn waqgħu ħafna lura.

L-intenzjoni tal-Gvern, żied is-sors ta’ il-mument, kienet li dan il-Mużew Nazzjonali tal-Arti jkun inawgurat fil-bidu tas-sena l-oħra, jiġifieri meta l-Belt Valletta kienet il-Belt Kapitali Ewropea. Iżda x-xogħlijiet waqgħu ħafna lura sal-punt li kien hemm il-biża’ reali li dan il-proġett – finanzjat ukoll minn fondi tal-Unjoni Ewropea – jispiċċa ma jkunx inawgurat is-sena l-oħra.

“Hawnhekk bdiet ħafna pressjoni mill-Ministeru u l-affarijiet, fil-verità, bdew jiċċaqilqu, sal-punt li fil-verità wkoll bdew isiru b’ħafna għaġġla u mingħajr attenzjoni għad-dettall, li ċertu xogħol jinxef sew qabel ma jsir xogħol ieħor fuqu. Insomma x-xogħol beda jsir bl-attitudni li l-aqwa li jsir biex ifittex ikun inawgurat fl-okkażjoni tal-unur li libset il-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea.

“U r-riżultat ta’ dik l-għaġġla issa qed joħroġ fil-beraħ ftit tax-xhur wara biss li suppost dan il-proġett kien konkluż. Ftit tal-ġimgħat ilu bdiet ħierġa l-moffa f’numru ta’ partijiet ta’ dan il-Mużew Nazzjonali tal-Arti… għal darba oħra ma ttiħditx azzjoni immedjata… issa reċentement din il-moffa nfirxet sew sal-punt li bdiet thedded lil numru ta’ kwadri u opri tal-arti imprezzabbli tant li mal-130 kwadru kellhom jinqalgħu minn mal-ħitan u jittieħdu għall-protezzjoni f’parti oħra mill-Mużew,” spjegalna fid-dettall is-sors tekniku ta’ il-mument.

Dwar dan, il-mument tkellem ma’ sors ieħor f’Heritage Malta, li kkonferma l-informazzjoni li mal-130 kwadru tneħħew minn mal-ħitan u tpoġġew f’parti oħra tal-Mużew mhux biss għal skop ta’ protezzjoni u biex ma tiġrilhom ħsara, imma wkoll għaliex uħud minn dawn il-kwadri fil-fatt ġarrbu ħsarat kaġun tal-moffa u issa jenħtiġilhom huma wkoll ir-restawr li se jsir minn ħaddiema speċjalizzati ta’ Heritage Malta stess.

Ta’ min jgħid li aktar kmieni din il-ġimgħa Heritage Malta kkonfermat l-aħbar dwar il-moffa fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti u qalet li dawn il-kwadri kienu nqalgħu minn mal-ħitan bħala miżura temporanja ta’ prekwazzjoni biex l-opri tal-arti konċernati ma jiġrilhom l-ebda ħsara.

Heritage Malta fissret ukoll li dan qed isir sakemm is-sistema tal-arja kundizzjonata fil-Berġa tkun stabbilizzata skont il-bżonnijiet tal-istess binja.

Heritage Malta spjegat ukoll li l-binja tal-MUŻA għaddiet minn ħafna tibdil minħabba x-xogħlijiet li saru u għaldaqstant l-ambjent intern inbidel.

Il-gallariji tal-MUŻA huma mgħammra b’sistemi ta’ arja kundizzjonata apposta. Hemm ukoll sensors apposta li jiġbru l-informazzjoni dwar l-ambjent u l-klima fil-gallariji. Permezz ta’ dan il-moniteraġġ li jsir b’mod kontinwu, Heritage Malta ndunat li kien hemm problema.

Heritage Malta kkonfermat ukoll li l-opri tal-arti maqlugħa minn mal-ħitan ma tneħħewx mill-Mużew Nazzjonali tal-Arti, imma qed jinżammu f’maħżen f’parti oħra fl-istess Mużew.

Ta’ min ifakkar li meta Joseph Muscat kien inawgura dawn ix-xogħlijiet, kien ftaħar li “dan hu l-aqwa investiment fl-infrastruttura kulturali li se jibqa’ tul iż-żmien.”

In vista ta’ dak li kien żvelat f’dawn il-jiem b’rabta mal-moffa li qed thedded xogħlijiet imprezzabbli tal-arti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, irreaġġixxa wkoll il-Partit Nazzjonalista li aktar kmieni din il-ġimgħa fisser kif “il-kollezzjoni nazzjonali tal-arti kontemporanja fil-periklu bl-inkompetenza tal-Ministru għall-Kultura. Ix-xogħlijiet li jidhru li għadhom għaddejjin fil-binja tal-Mużew juru biċ-ċar li għall-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici dan il-Mużew hu biss gimmick politiku. Dan meta l-Mużew Nazzjonali tal-Arti nfetaħ b’ħafna għaġġla.”

Sadattant f’tentattiv mill-aktar patetiku biex jipprova jxejjen id-diversi rapporti maħruġa fil-media, nhar il-Ħamis il-Ministru Owen Bonnici rrikorra għall-media soċjali – flok għad-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Gvern (DOI) u qal li l-pitturi tneħħew minn mal-ħitan mhux minħabba l-moffa jew għaliex ittebbgħu l-ħitan!