Internazzjonali

Is-summit tal-G7: Jonqos l-ottimiżmu dwar taħditiet mal-Iran

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, deher jimminimizza l-isforzi ta’ Franza biex issir medjazzjoni mal-Iran, minkejja l-possibbiltà ta’ sitwazzjoni katastrofika fir-reġjun tal-Golf. Trump, li kien qed jattendi s-summit tal-G7 li wasal biex jikkonkludi fi Biarritz qal li filwaqt li hu kuntent li l-President Franċiż qed jipprova jnaqqas mit-tensjoni ma’  Tehran, l-Istati Uniti għandha tkompli għaddejja bl-inizjattivi ‘tagħha’.

Il-Mexxejja tal-Ewropa li kienu preżenti fi Biarritz ilhom jippruvaw itaffu l-konfrontazzjoni li qed tiżviluppa bejn l-Iran u l-Istati Uniti mindu Trump ħareġ pajjiżu mill-ftehim nukleari storiku tal-2015 bejn il-potenzi tal-Punent u r-reġim f’Tehran, filwaqt li impona mill-ġdid is-sanzjonijiet fuq l-ekonomija tal-Iran,

Min-naħa tiegħu, Macron – li fl-aħħar ġimgħat insista bl-isforzi għall-medjazzjoni bil-għan li jevita sitwazzjoni aktar gravi fir-reġjun tal-Golf – informa lit-Televiżjoni LCI li l-G7 kien ‘qabel dwar azzjoni konġunta’ fil-konfront tal-Iran.

Il-Presidenza Franċiża qalet li l-Mexxejja tal-G7 qablu wkoll li Macron ‘għandu jidħol f’taħditiet u jgħaddi l-messaġġi lill-Iran’ wara li l-issue kien diskuss – flimkien ma’ kwistjonijiet oħrajn — waqt is-summit.

Madankollu, Donald Trump, li jrid iwettaq il-massimu tal-pressjoni fuq l-Iran, qal li hu ma ddiskutiex l-istqarrija dwar l-Iran li Macron kien beħsiebu jagħti għan-nom tal-G7. Sadanittant, hu qal li Macron u l-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, ‘kienu ħielsa biex jidħlu fid-diskussjonijiet mal-Iranjani’.

Aktar tard illum, Macron deher li kien irtira mill-kummenti pożittivi inizjali fejn qal li ‘ma kienx hemm mandat formali mill-mexxejja tal-G7 biex jgħaddu messaġġ lill-Iran.’ Dan waqt li l-Istati Uniti ma indikatx li kapaċi, ‘il quddiem, tnaqqas is-sanzjonijiet għall-Iranjani.