Basketball Sport

Michael Naudi se jirritorna jilgħab wara li kien irtira anqas minn sena ilu

Il-veteran Michael Naudi se jirritorna fix-xena tal-basketball milgħub hekk kif iffirma ma’ Depiro. Naudi kien irtira fl-istaġun li għadda f’Novembru wara karriera twila mimlija suċċessi, meqjus fost l-aqwa plejers fl-istorja tal-basketball.

Hu kien beda jilgħab il-basketball mat-tim ewlieni ta’ Athletà fl-età ta’ 15-il sena u lagħab għal 22 sena fejn ukoll kien parti mit-tim nazzjonali. Fl-1998 kien parti mit-tit Airmalta La Collette fejn spiċċa l-ħames l-aqwa skorer u rebaħ l-ewwel unur.

Tul il-karriera tiegħu, Michael Naudi li għandu 39 sena, rebaħ disa’ darbiet il-kampjonat, seba’ darbiet l-Aqwa Plejer tas-Sena u b’total ta’ aktar minn 50 unur. Hu se jkun żgur valur miżjud lit-tim ta’ Depiro, speċjalment għaż-żgħażagħ li għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom.