Il-qawwiet ta’ Iżrael attakkaw is-siti militari tal-Iranjani fis-Sirja biex jevitaw dak li fissru bħala ‘attakk bid-drones pendenti’ min-naħa tal-Iran.
Il-militar Iżraeljan rari jitkellem dwar l-azzjonijiet militari fis-Sirja iżda, fl-aħħar sigħat, sostna li l-attakki fuq is-siti evitaw attakk fuq Iżrael li kellu jsir ‘bid-drones armati’. Qed jingħad li l-attakk ikkonċentra fuq il-qawwa Iranjana Quds li għandha preżenza f’Aqraba, lejn ix-xlokk ta’ Damasku.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, tkellem dwar l-azzjoni u faħħar lill-qawwiet ta’ pajjiżu għal dan is-suċċess militari.
L-indikazzjonijiet huma li Iżrael, mill-2011 ‘il hawn, wettqu l-mijiet tal-attakki fis-Sirja biex jevitaw sitwazzjoni fejn l-Iran jikkonsolida l-bażijiet tiegħu fit-territorji Sirjani.
Sadanittant, Netanyahu sostna li l-Iran ‘ma għandu l-ebda immunità’ fil-postijiet (barranin) fejn qed jipprova jsaħħaħ il-preżenza tiegħu u li l-qawwiet Iżraeljani huma ‘attivi’ f’kull settur fejn jeżisti potenzjal għall-aggressjoni mill-Iran.
//= $special ?>