Lokali

Sitwazzjoni prekarja u tat-tħassib fid-Dipartiment tal-Ambulanzi

■ Kollox hu kkalkulat fuq termini ta’ numri u mhux fuq il-bżonnijiet vera tal-pazjent

■ Qed jiġu mumenti li jkun hemm talba qawwija u jirriżulta li ma jkunx hemm ambulanzi biżżejjed

■ Jirriżulta wkoll li saret in-norma li d-Dipartiment tal-Ambulanzi jispiċċa b’ambulanzi bil-ħsara, bla arja kundizzjonata jew b’xi strecher ma jaħdimx

■ Control Room tal-Ambulanzi fl-Isptar Mater Dei bħala waħda fi stat mill-aktar diżastruż

Xufiera ta’ ambulanzi fid-Dipartiment tal-Ambulanzi fl-Isptar Mater Dei – liema Dipartiment jaqa’ direttament taħt it-Taqsima tal-Emerġenza – qed ikunu kostretti jaħdmu taħt stress żejjed u bla bżonn minħabba kemm fit-tqassim ħażin tax-xogħol kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ ambulanzi li hemm disponibbli biex iservu għall-bżonnijiet tal-istess Taqsima tal-Emerġenza.

Xufiera li matul il-jiem li għaddew tkellmu ma’ il-mument spjegaw li llum huma kostretti jaħdmu f’sitwazzjoni mill-aktar ħażina u kien għalhekk li ddeċidew li jitkellmu ma’ il-mument biex iwasslu l-karba tagħhom għaliex kull tentattiv biex is-sitwazzjoni tagħhom titranġa, waqa’ fuq widnejn torox.

Dawn ix-xufiera qalulna li qatt daqs bħalissa s-sitwazzjoni fid-Dipartiment tal-Ambulanzi ma kienet daqstant ħażina u tat-tħassib fejn kollox hu kkalkulat fuq termini ta’ numri u mhux fuq il-bżonnijiet vera tal-pazjent.

Attwalment id-Dipartiment tas-Saħħa għandu erbatax-il ambulanza għal skop ta’ emerġenzi li jinqalgħu minn ħin għall-ieħor. Matul il-jum ġeneralment ikun hemm jiffunzjonaw disa’ ambulanzi, filwaqt li bil-lejl ikun hemm disponibbli tmienja.

Jirriżulta li minn dawn id-disgħa jkun hemm sebgħa fl-Isptar Mater Dei, waħda fil-Poliklinika tal-Mosta u l-oħra fil-Poliklinika ta’ Raħal Ġdid.

Jirriżulta wkoll, żiedu jispjegawlna x-xufiera tal-ambulanzi li tkellmu magħna, li qed jiġu mumenti li jkun hemm talba qawwija u jirriżulta li ma jkunx hemm ambulanzi biżżejjed. Dawn iċ-ċirkustanzi qed iwasslu biex saħansitra tinqala’ l-ambulanza tal-Poliklinika fil-Mosta biex tmur tassisti pazjent fil-Poliklinika tal-Floriana bil-konsegwenza li n-naħa ta’ fuq ta’ Malta tispiċċa bla servizz ta’ ambulanza.

Jirriżulta wkoll li saret in-norma li d-Dipartiment tal-Ambulanzi jispiċċa b’ambulanzi bil-ħsara, bla arja kundizzjonata jew b’xi strecher ma jaħdimx!

Dan kollu qiegħed iwassal biex eventwalment xufiera qed jispiċċaw jirċievu telefonati minn min responsabbli mit-Tmexxija tad-Dipartiment u jinformahom biex ma jidħlux xogħol extra u hekk titħassrilhom is-sahra għaliex ma jkunx hemm ambulanzi biżżejjed.

Ix-xufiera żiedu jgħidulna li reċentement fuq il-media soċjali, wieħed mill-Emergency Ambulance Responder, iddeskriva s-sitwazzjoni fil-Control Room tal-Ambulanzi fl-Isptar Mater Dei bħala waħda fi stat mill-aktar diżastruż fejn qed joħorġu ordnijiet biex ambulanzi jkunu devjati fuq każijiet oħrajn b’detriment għas-servizz li jispiċċa ma jiffunzjonax kif mixtieq.

Sadattant fi żvilupp ieħor, fuq il-media soċjali wkoll, Emergency Amulance Responder ieħor, f’messaġġ ieħor ikkonferma d-diżastru li hemm fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, speċjalment fil-Control Room tal-Ambulanzi.

F’dan il-messaġġ kienet ikkwotata korrispondenza interna u sensittiva bejn it-Tmexxija tad-Dipartiment tal-Emerġenza u d-Dipartiment tas-Saħħa fejn f’din il-korrispondenza qed jingħad li s-servizz tal-ambulanzi mhux qed jilħaq il-livell mixtieq, qiegħed ikun hemm ħafna dewmien u l-ambulanzi qed jieħdu rotot li ma jkunux identifikati lilhom.

F’din il-korrispondenza jingħad ukoll ċar li t-Tmexxija tal-Emerġenza ma hix kuntenta bid-dewmien u bit-traġitti żejda kif jirriżultalha.

Sadattant l-istess xufiera li tkellmu magħna fissrulna li uffiċjal għoli fit-tmexxija tas-servizz tal-ambulanzi, issa ilu għal xhur sħaħ mingħajr kontroll tan-nies li jaqgħu taħtu minħabba d-direttivi li ngħataw mill-unions fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema biex ma jiħdux ordnijiet mingħandu.

Tant hu hekk li f’din il-kwistjoni kellha tintervjeni terza persuna u tieħu r-responsabbiltà hi ta’ dawn il-ħaddiema li x-xogħol tagħhom hu dak Emergency Ambulance Responders.

Tajjeb li wieħed josserva wkoll li dan l-uffiċjal għoli fit-tmexxija tas-servizzi tal-ambulanzi, li hu deskritt bħala persuna qrib ħafna tal-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u li jiġġestixxi wkoll negozju privat, rari jidher fil-post tax-xogħol u dwar dan kien hemm diversi inkjesti interni iżda qatt ma ħareġ l-ebda riżultat.