Sport Waterpolo

Sliema jfittxu li jiksbu l-ewwel suċċess fin-knock-out mill-2013

(Ritratt: Matthew Tabone)

Sliema Frank Salt se jkunu qed jippruvaw jiksbu l-ewwel suċċess fin-knock-out mill-2013 meta fil-finali llum jaffrontaw lil Neptunes Leo Vegas. Fl-aħħar erba’ snin din il-kompetizzjoni ntrebħet minn San Ġiljan, b’Neptunes jirbħuha l-aħħar fl-2014. Neptunes rebħu din il-kompetizzjoni 15-il darba filwaqt li Sliema rebħu n-knock-out darbtejn aktar.

Iż-żewġ timijiet kellhom diversi jiem ta’ mistrieħ hekk kif huma t-tnejn spiċċaw it-tieni rawnd tal-kampjonat fl-ewwel żewġ postijiet u għalhekk għaddew direttament għas-semifinali tal-play-offs. B’hekk huma kellhom ċans tajjeb biex jippreparaw għal dan il-konfront. Sliema lagħbu l-aħħar fid-9 ta’ Awwissu filwaqt li Neptunes kienu fl-azzjoni fl-aħħar jumejn wara.

Neptunes rebħu ż-żewġ konfronti fil-kampjonat bl-iskor ta’ 10-9 u 10-6. Fl-ewwel logħba li ntlagħbet fis-17 ta’ Lulju, Neptunes kienu rebħu logħba missielta wara li f’xi ħinijiet dehru taħt pressjoni. Minkejja t-telfa, Sliema kellhom prestazzjoni sodisfaċenti u kkonfermaw il-progress li għamlu f’dan l-istaġun.

Fit-tieni logħba li ntlagħbet fis-6 ta’ Awwissu, Neptunes urew il-kwalità tagħhom biex dawru l-logħba fit-tielet sessjoni permezz tas-solitu Stevie Camilleri u minn hemm Sliema ma kellhomx risposta.

Qabilha, Birżebbuġa Freeport u Marsaskala Fish and Fish jiltaqgħu fil-finali tan-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni, f’dik li se tkun ripetizzjoni tas-sena l-oħra. Is-sena l-oħra, Marsaskala kienu ħasdu lill-avversarji f’konfront li ma kinux favoriti fih.

Illum jekk hemm tim li jibda favorit hu Birżebbuġa, anki għaliex rebħu ż-żewġ konfronti diretti f’dan l-istaġun. Dan għalkemm huma kienu rebħu b’distakk minimu ta’ 18-17 fl-ewwel logħba u 12-10 fit-tieni logħba.

Intant fl-ewwel logħba tal-ġurnata, it-tim tan-nisa ta’ Exiles Elia Caterers jittamaw li jirbħu unur hekk kif jaffrontaw lil Sliema Frank Salt fil-finali. Huma rebħu s-Super Cup kif ukoll fl-aħħar jiem aċċertaw mit-tielet kampjonat konsekuttiv.

Illum

Finali KO tan-nisa: Exiles v Sliema 4.45pm

Finali KO I Diviżjoni: Marsaskala v Birżebbuġa 6.00pm

Finali KO Kampjonat Premier: Neptunes v Sliema 7.15pm