Il-Papa Franġisku sejjaħ għal impenn globali għat-trażżin tan-nirien qalb il-foresta tal-Amażonja, filwaqt li tenna li z-zona hi essenzjali għall-eżistenza tal-pjaneta tagħna.
Meta kellem lill-eluf tan-nies miġbura fi Pjazza San Pietru ta’ Ruma, il-Kap tal-Kattoliċi esprima l-inkwiet dwar il-kriżi tal-Amażjona waqt li talab biex in-nirien ikunu kontrollati mill-aktar fis minħabba li ‘l-importanza tal-foresti li huma l-pulmun tad-dinja’.
Sitt Stati Brażiljani fir-reġjun tal-Amażonja talbu l-għajnuna militari biex jikkumbattu n-nirien ‘rekord’ li qed jeqirdu medda sħiħa ta’ rainforest. Dan fost il-messaġġi ta’ preokkupazzjoni minn madwar id-dinja għal din is-sitwazzjoni minħabba r-rwol kruċjali tal-Amażonja fit-trażżin tal-global warming.
Il-Brażil hu l-akbar pajjiż Kattoliku fid-dinja, bil-Papa – li fl-2015 kiteb dokument ( enċiklika) dwar il-protezzjoni tal-ambjent mill-global warming – kemm-il darba jiddefendi d-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Amażonja biex iżommu l-artijiet u jipproteġu l-kulturi tagħhom. Il-Papa, fl-istess ħin, sejjaħ għal tnaqqis progressiv fl-użu tal-fossil fuels.
In-nirien fl-Amażonja ikkoinċidew mas-summit tal-G7 fi Franza fejn ħareġ konsensus li dan ir-reġjun jeħtieġ sistema ta’ tmexxija aħjar biex tintemm il-qerda tar-rainforest.
//= $special ?>