Internazzjonali

L-Istati Uniti u ċ-Ċina se jerġgħu jibdew it-taħditiet dwar il-kummerċ

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li pajjiżu u ċ-Ċina ‘dalwaqt’ se jkomplu bit-taħditiet dwar il-kummerċ, wara li l-aħħar jiem kienu dominati bit-tensjoni bejn Washington u Beijing.

Trump qal li ċ-Ċina kienet għamlet il-kuntatti miegħu fi tmiem il-ġimgħa fejn esprimiet xewqa li tirritorna mal-mejda tan-negozjati. Sadanittant, il-President tenna li l-Istati Uniti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, qablet li r-ritorn għad-djalogu għandu jkun l-aħjar għażla.

Nhar il-Ġimgħa, Trump kien għolla t-tariffi għall-ekwivalenti ta’ biljuni ta’ dollari fir-rigward tal-oġġetti impurtati miċ-Ċina. Dan seħħ b’ritaljazzjoni għall-impożizzjoni ġdida ta’ dazju min-naħa ta’ Beijing.

Intant, iċ-Ċina, fl-aħħar jiem, sejħet għall-‘kalma’ bil-għan li hi u l-Istati Uniti jtaffu t-tensjoni wara l-aħħar kwistjoni dwar il-kummerċ.

Min-naħa tiegħu, Trump, waqt is-summit tal-G7 fi Biarritz, qal li l-uffiċjali Ċiniżi kienu għamlu ‘il-kuntatti pożittivi ħafna’ u li ċ-Ċina riedet ‘tasal għal ftehim mal-Istati Uniti’.

Il-President Amerikan anki suġġerixxa li ċ-Ċina tixtieq li tinnegozja mill-ġdid ‘minħabba l-pressjoni mwettqa minnu’, filwaqt li tenna li n-negozjati ma’ Beijing ‘għandhom jibdew mill-aktar fis’.

L-Istati Uniti qed tipprova ġġiegħel liċ-Ċina tirriforma s-sistemi kummerċjali tagħha, bl-argument li l-kumpaniji Amerikani qegħdin jiffaċċjaw l-iżvantaġġi inġusti minħabba numru ta’ issues – fosthom is-serq tal-proprjetà intellettwali.

Sadanittant, l-alleati tal-Istati Uniti wettqu pressjoni fuq Donald Trump waqt il-kriżi tal-G7 fejn wissew li l-gwerra kummerċjali bejn l-Amerikani u ċ-Ċina qed thedded lill-ekonomija tad-dinja.