Daphne Caruana Galizia llum kienet tagħlaq 55 sena. L-Oppożizzjoni tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha li kwazi sentejn mill-assassinju tal-ġurnalista, l-awtoritajiet Maltin mhux qegħdin juru ħeġġa biex isibu min ordna dan il-qtil.
Permezz ta’ stqarrija, il-Kap tal-PN u kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ fuq quddiem biex flimkien mas-soċjetà ċivili jiġġieled favur il-ġustizzja u l-verità. Il-Gvern għandu minnufih jieqaf ikaxkar saqajh u jagħmel dak li jmissu għamel hekk kif inqatlet Daphne Caruana Galizia, u jaħtar bord t’inkjesta li ma jkollu l-ebda tebgħa politika. B’hekk biss ikun qiegħed iseħħ dak li titlob s-saltna tad-dritt.
Il-Ministru Carmelo Abela kien wiegħed lil UK Foreign & Commonwealth Office li fit-terminu ta’ tliet xhur imposti fuq il-Gvern mill-Kunsill tal-Ewropa, huwa kien sejjer iwaqqaf inkjesta pubblika sabiex tinvestiga jekk il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet ta’ pajjiżna kienux adegwati biex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista minn dak ir-riskju.
Il-Gvern issa ilu xhur sħaħ ikaxkar saqajh sabiex jagħmel dak li titlob is-saltna tad-dritt. Fil-15 ta’ Lulju, jiena kont ktibt ittra lill-Prim Ministru dwar dan, izda hu naqas milli jirrispondi.
“Illum qed nerġa’ nappella lill-Gvern biex jieqaf jinjora lill-Oppożizzjoni, lis-soċjetà ċivili u lill-istituzzjonijiet internazzjonali. Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa kien irrimarka fuq is-sens ta’ impunità li hawn f’pajjiżna, dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li għadu ma nstabx min kien li ordna dan il-qtil.”
L-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni fil-Parlament biex jiġi stabbilit jekk dan il-qtil setgħax ġie evitat. Ir-rapport tal-Greco wkoll kien ikkritika lilll-Gvern għaliex baqa’ jirrifjuta inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista, kif ilu jitlob ukoll il-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt f’Diċembru tal-2018, l-Oppożizzjoni kienet ppreżentat mozzjoni biex titlob inkjesta pubblika iżda l-Gvern kien ivvota kontra. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti biex issir ġustizzja, toħroġ il-verità u biex id-drittijiet tal-familja Caruana Galizia jkunu mħarsa. Dan huwa fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, li ġie imċaħħad minn informazzjoni li hi ta’ interess għalih.
//= $special ?>