Id-deċiżjoni tal-Gvern li jneħħi kull tip ta’ liċenzja u regolarizzazzjoni f’dan is-settur kienet deċiżjoni żbaljata għax ittieħdet mingħajr ma ġew ikkunsidrati l-konsegwenzi negattivi tagħha. Dan joħroġ ċar mir-realtà kerha li teżisti f’pajjiżna dwar mard trasmess sesswalment kif ġie rrapurtat fil-midja.
Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputati Claudette Buttigieg u Karol Aquilina.
L-istatistika tal-GU Clinic u l-informazzjoni li ħarget fil-midja huma prova li f’pajjiżna hawn massage parlours li qegħdin jintużaw għal skopijiet oħra bħall-prostituzzjoni u t-traffikar tal-persuni.
Quddiem din ir-realtà li diġà tkellmu dwarha Membri Parlamentari mill-Oppożizzjoni kif ukoll numru ta’ NGOs, il-Gvern ma jistax u m’għandux jibqa’ ċass u ma jagħmel xejn biex iwaqqaf u jsewwi l-ħsara li ġab b’idejh stess.
Uħud mill-massage parlours jintużaw bħala briedel u dan il-fatt huwa għal kollox kontra l-kampanja li nieda l-Gvern stess sabiex jiġi miġġieled it-traffikar tal-persuni. Jekk il-Gvern tassew irid li l-kampanja tiegħu tilħaq l-għanijiet tagħha u jsaħħaħ il-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli, għandu b’mod immedjat jieħu azzjoni biex il-massage parlours f’pajjiżna jiġu regolarizzati.