Lokali

Il-Gvern għandu jagħmel kull sforz sabiex membri tal-Korp Diplomatiku jingħataw dinjità aqwa u rispett

Il-Partit Nazzjonalista jirreġistra l-qbil tiegħu għall-ftehim kollettiv li ġie ffirmat bejn il-UĦM  Voice of the Workers għan-nom tad-diplomatiċi tal-karriera ta’ pajjiżna u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa mid-deputat Carm Mifsud Bonnici u mis-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight,  irringrazzja  lill-UĦM li kienet strumentali sabiex dan il-ftehim jiġi konkluż.

Kien ċertament jixraq li membri fi ħdan il-Korp Diplomatiku ma jibqgħux lura, jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u li jiġi rikonoxxut  ħidmiethom. 

Kif qal sewwa l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella, hemm ħafna xoghol li jsir fis-silenzju u b’attenzjoni fid-dinja diplomatika. Din hija kategorija ta’ ħaddiema speċjalizzata li jridu jagħmlu ħafna xogħol determinanti f’dinja globalizzata li trid tweġibiet immedjati. 

Il-Partit Nazzjonalista kif kellu l-okkażjoni drabi oħra, jirrafferma l-konvinzjoni tiegħu li l-Gvern preżenti għandu jagħmel kull sforz sabiex membri tal-Korp Diplomatiku, f’ordni u attenzjoni interna aħjar, jingħataw verament fil-ħajja ta’ kuljum dinjità aqwa u rispett. Wieħed li jassigura aħjar kontinwazzjoni u stabbiltà fil-politika barranija tagħna. Wieħed li nittamaw li jservi sabiex inqas diplomatiċi jitilqu u aktar jitħajjru jidħlu jiffurmaw parti minn dan il-Korp determinanti f’ ħidmet pajjiżna.