“F’isem il-Partit Nazzjonalista, jien se nkompli naħdem fis-settur tal-isport.”
Kien dan kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia f’laqgħa maċ-ċiklisti tal-Lifecycle Challenge filwaqt li awgura kull suċċess fl-edizzjoni ta’ din is-sena.
Adrian Delia faħħar il-fatt li din l-isfida qed issir mhux biss għalihom infushom iżda wkoll bi ħsieb li jgħinu persuni li jinsabu għaddejjin minn żmien diffiċli.
Il-Fondazzjoni LifeCycle ilha għal dawn l-aħħar 21 sena tagħmel xogħol siewi mal-pazjenti b’mard tal-kliewi, kif ukoll tagħti appoġġ lill-familji tagħhom. Dan filwaqt li kompliet tkabbar l-għarfien dwar id-donazzjonijiet u t-trapjanti tal-organi f’pajjiżna.
Bħalissa, 27 ċiklist jinsab għaddej bl-aħħar preparamenti għal din l-isfida li se tibda t-Tnejn 9 ta’ Settembru u se tieħu għaxar t’ijiem. Din l-isfida se tieħu rotta ta’ kważi 2,000 kilometru u se tibda mill-Vjetnam lejn Laos u finalment jispiċċaw il-Kambodja.
Il-Fundatur tal-Fondazzjoni, Alan Curry wera l-apprezzament tal-appoġġ ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li qal li dan se jkompli jsaħħaħ l-ispirtu u d-determinazzjoni tagħhom.
Preżenti kien hemm kemm atleti li din hi l-ewwel sena tagħhom li daħlu għal din l-isfida, iżda wkoll oħrajn li ilhom is-snin jgħatu l-kontribuzzjoni tagħhom.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport, Ryan Callus. Huwa ħeġġeġ biex iktar nies jieħdu l-eżempju ta’ dawn iċ-ċiklisti li qed jiġbru fondi għal għan nobbli.

Ritratt: Matthew Tabone
//= $special ?>