L-Armata Libjana tal-Lvant taħt il-kmand ta’ Khalifa Haftar tinsab għaddejja b’offensiva biex tieħu lura l-belt ta’ Gharyan.
Dan wara li l-ġellieda ta’ Haftar kienu tilfu din il-belt lill-qawwiet li jappoġġjaw lill-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali li hu mmexxi mill-Prim Ministru Fayez al-Sarraj.
L-istess qawwiet ta’ Sarraj, xahrejn ilu, kienu wettqu azzjoni militari mlaqqma ‘Vulkan ta’ Rabja’ biex jaħtfu l-kontroll ta’ Gharyan – bis-suċċess militari tagħhom ikun daqqa ta’ ħarta għall-ġellieda ta’ Haftar li kienu qed jużaw dik il-belt biex imexxu r-rejds fuq zoni fil-limiti ta’ Tripli.
Intant, l-Armata ta’ Haftar, issa, kompliet tavvanza fl-inħawi fejn qalet li ħatfet reġjun ġdid (Ghout al-Reeh) f’Gharyan li qed tuża bħala bażi ewlenija ‘fil-battalja biex tillibera Tripli mill-milizji kriminali u terroristi’. Ir-rapporti qalu li fl-aħħar ġlied mietu ’l fuq minn 12-il persuna, fosthom milizji u xi membri suspettati tal-grupp ISIS.
Fl-istess ħin, il-ġellieda ta’ Haftar ċaħdu li qegħdin jimmiraw għal ċivili u sostnew li ma kenux responsabbli għal attakk mill-ajru li qatel numru ta’ persuni fil-belt ta’ al-Sawani, fin-Nofsinhar ta’ Tripli.
Fl-aħħar sigħat, l-Armata Libjana tal-Lvant mexxiet numru kbir ta’ ġellieda lejn l-inħawi għal ‘battalji intensivi’ mal-qawwiet u l-milizji leali għal Sarraj.
Fi żviluppi oħra, il-Ministru tad-Difiża ta’ Chad, Mahamat Salah, ikkonferma li pajjiżu għalaq il-fruntieri mal-Libja, is-Sudan u r-Repubblika Afrikana Ċentrali għal raġunijiet tas-sigurtà. Intant, ir-rotot għall-kummerċ bejn Chad u dawn it-tliet pajjiżi huma eżenti mid-deċiżjoni, b’dawn jinkludu l-inħawi ta’ Kouri u Moudi li jippermettu ‘għall-movimenti lejn u mil-Libja’.
//= $special ?>