Lokali Saħħa

Il-kura primarja hija s-sinsla tas-sistema tas-saħħa

Is-sinsla tas-sistema tas-saħħa f’pajjiżna għandha tkun l-kura primarja. Huwa għalhekk li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa, ħadem sabiex ikun hemm modernizzar u żieda fis-servizzi li toffri l-berġa ta’ Tas-Sliema.

Din il-berġa f’dawn l-aħħar xhur ġiet modernizzata fejn b’kollox se tkun qed toffri erba’ servizzi differenti. Apparti s-servizzi li diġà kienu offruti qabel fosthom is-servizz tat-tabib u infermier, u s-servizz ta’ Speech and Language Pathology, issa se jkun offrut ukoll is-servizz relatati mas-saħħa mentali.

Dan sar sabiex il-kura primarja tersaq aktar lejn in-nies u b’hekk il-pazjent ikun jista’ jinqeda bl-aħjar mod possibbli fil-komunità u jkollu aċċess aktar faċli għal numru ta’ servizzi.

Tkellimna mas-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop illi spjegalna l-importanza ta’ dawn is-servizzi.

Is-Sindku spjegalna wkoll kif fil-lokalità ta’ Tas-Sliema wieħed isib ammont kbir ta’ anzjani, u għalhekk hu krucjali li jkun hemm servizzi tal-aqwa kwalita’.

Huwa tenna l-appell tiegħu li l-kura għandha tibda mill-komunità, fejn il-pazjent iħossu iktar komdu u b’hekk ikun jista’ jibqa’ għaddej bir-rutina tal-hajja ta’ kuljum u mhux jintbagħat għall-kura fi sptar.