Żagħżugħ Indjan tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Carmen u Frank Sant; il-koppja Maltija li mietet traġikament f’inċident tat-traffiku fil-Punent ta’ Sydney, fl-Awstralja.
Harjinder Singh, li għandu 22 sena, kien qed isuq Nissan Pulsar meta laqat il-vettura Toyota li fiha kien hemm il-Maltin.
Il-Pulizija qalu li l-Indjan kien qed isuq b’liċenzja internazzjonali.
Singh tressaq kmieni dalgħodu fil-Qorti ta’ Blacktown, bil-Maġistrat jiċħadlu t-talba għal-liberta’ proviżorja. Il-każ issa se jkompli fl-24 t’Ottubru li ġej.
Il-Pulizija Metropolitana qed tappella lin-nies sabiex kull min għandu xi forma ta’ informazzjoni dwar l-inċident jersaq ‘il quddiem u jitkellem b’mod kunfidenzjali.
Carmen Sant, li kellha 81 sena, mietet fil-post filwaqt li r-raġel tagħha li għandu 83 sena miet fl-isptar.

