Sport Sport Ieħor

It-tim Malti tal-Beach Handball megħlub mill-Marokk waqt il-Logħob tal-Mediterran

Malta sofriet it-tielet telfa fi Grupp B fil-Logħob tal-Mediterran li qed isiru f’Patras. It-tim Malti kien megħlub 2-0 mill-Marokk u għada jintlagħab l-aħħar konfront kontra t-Tuneżija filgħodu. Wara dawn il-logħbiet jintlagħbu l-logħbiet ta’ klassifikazzjoni bejn għada u l-Erbgħa. Fl-ewwel impenji, Malta kienet megħluba 2-0 kontra l-Italja u bl-istess skor kontra l-Greċja.

It-tim Malti hu magħmul minn Francis Buhagiar, Mauro Camilleri Darmanin, Jean Paul Caruana, Liam Harrison, Christopher Magro, Christian McClean, James Rausi, John Luke Scicluna, Matthew Spiteri u Daniel Tanti Farrugia.

Issir iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ

Intant il-Ħadd filgħaxija saret iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tat-Tieni Edizzjoni f’Patras. Ċerimonja li matulha ddomina l-element ta’ kultura tal-Mediterran u dak li l-Greċja kapaċi toffri bejn storja, kultura u arti. Il-qofol bħal dejjem tkun l-isfilata tal-atleti bil-kontinġent Malti mmexxi mix-Chef de Mission tal-Kumitat Olimpiku Malti Ivan Balzan ikun magħmul mit-tim nazzjonali tal-beach handball li qed jirrappreżenta lil Malta f’dan il-Logħob.

Il-President tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob Amaar Addadi ddikjara l-Logħob miftuħa. F’dan il-Logħob qed jieħdu sehem 26 pajjiż mill-Mediterran. Sigħat qabel waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Kumitat Internazzjonali ġie deċiż b’mod unanimu li l-belt Taljana ta’ Taranto ser tkun qed torganizza l-20 Edizzjoni tal-Logħob tal-Mediterran fl-2026, sentejn wara l-Olimpjadi ta’ Pariġi. Mat-tħabbir tal-għażla ġie ffirmat il-kuntratt ta’ organizazzjoni mal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan.

Fl-2009 il-Belt ta’ Pescara kienet organizzat il-Logħob tal-Mediterran. Fl-istess Assemblea Ġenerali, l-eks uffiċjal tal-Kumitat Internazzjonali u membru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Mario Pescante nħatar bħala Membru Onorarju filwaqt li ngħataw l-Ordni tal-Mertu Dr. Zakia Bartagi tat-Tuneżija u Tullio Paratore tal-Italja.