Lokali

AĠĠORNATA: Jiddaħħlu Malta 162 immigrant f’temp ta’ ftit sigħat

It-temp kalm fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran qed jagħmilha iktar faċli biex traffikanti ta’ persuni jissoktaw bi vjaġġi klandestini lejn l-Ewropa, b’rapporti varji jirreferu ghall-moviment ta’ eluf kbar mill-kosta Afrikana. Fejn f’temp ta’ ftit ġimgħat…f’Malta iddaħħlu diversi immigranti.

Illum nofsinhar għall-ħabta tal-4, grupp ta’ 73 immigrant, kollha rġiel iddaħħal f’pajjiżna. L-immigranti, li kienu jinsabu abbord dinghy fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fit-territorju Malti ingħataw l-ewwel għajnuna mill-Forzi Armati ta’ Malta fejn ġew tasferiti għal fuq il-Patrol Boat P24 u ddaħħlu Malta f’Xatt it-Tiben.

Mal-wasla tagħhom f’Xatt it-Tiben, l-immigranti ngħataw f’idejn Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni li ħaduhom fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa permezz ta’ tliet xarabanks tal-korp.

Kif inhi l-proċedura, hekk kif tniżżlu l-art saret tfittxija fuq kull immigrant kif ukoll ittieħdu l-marki tas-swaba’ tagħhom biex tkun tista’ tinġabar iktar informazzjoni dwarhom.

Intant, għall-ħabta tas-sebgħa ddaħlu Malta grupp ieħor ta’ immigranti, propju 89 biex b’hekk f’ġurnata waħda ddaħlu 162 immigrant. L-aħħar grupp li ddaħħal, jidher li żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal kura hekk kif persuna minnhom hi mara tqila filwaqt li l-persuna l-oħra hu raġel li jinsab ferut b’tir f’riġlu.

Dan l-ammont ikompli jiżdied mal-wasla ta’ aktar immigranti li ddaħħlu Malta tard il-Ġimgħa filgħaxija, fejn 356 immigrant ġew salvati mill-bastiment Ocean Viking. Mill-bidu tas-sena s’issa l-ammont ta’ immigranti li ddaħlu Malta jaqbeż l-1500 persuna.