Lokali

Jonqos in-numru ta’ turisti fl-ewwel 6 xhur tas-sena

It-turisti qed iqattgħu anqas iljieli f'pajjiżna

Kuntrarju għax-xejriet li kellna f’dawn l-aħħar 10 snin, l-2019 ma tantx qed tkun pożittiva fejn jidħol it-turiżmu bl-aħħar ċifri tal-NSO juru li f’sitt xhur kien hemm tnaqqis meta mqabbel mas-sena 2018.

Fil-fatt, is-sena li għaddiet fl-ewwel sitt xhur kien hemm aktar minn 954,000 persuna li ibbukjaw lukandi jew guesthouses f’pajjiżna filwaqt li din is-sena dan in-numru niżel għal 947,000. Dan jinkludi turisti li raqdu f’hostels, u lukandi minn 2 Stilel sa 5 Stilel.

Anke meta tanalizza lil Għawdex waħdu tidher xejra pjuttost negattiva. Meta fl-2018 kien hemm 44,615 persuna li raqdu f’lukandi, din is-sena n-numru ta’ turisti niżel għal 43,000 – dejjem fl-ewwel sitt xhur tas-sena.

Iċ-ċifri tal-NSO juru li t-turisti qed jagħżlu anqas il-lukandi ta’ 5 Stilel u jmorru aktar fuq lukandi ta’ 4 Stilel. Qed jonqos ukoll l-ammont ta’ iljieli li jqattgħu f’pajjiżna, fejn il-medja issa tinsab taħt il-ħames iljieli – indikazzjoni ċara li t-turisti qed imorru għal vaganzi iqsar, bil-ħsieb li jonfqu anqas.