Lokali

AĠĠORNATA: Kienu jpoġġu 5 immigranti f’kull kamra

Numru kbir ta’ immigranti kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6, inħarġu minn blokka appartamenti fi Triq il-Ġifen f’Buġibba fejn huma kienu qed joqogħdu. Ir-raid twettaq mill-Pulizija, bl-assistenza ta’ diversi units speċjali, fosthom l-RIU.

L-ammont ta’ persuni li nħarġu mill-blokka għadu mhux ikkonfermat, iżda x’aktarx huwa bejn 100 u 200 persuna.

Huma ttieħdu mill-post permezz ta’ diversi xarabanks.

Netnews jinsab infurmat li f’kull kamra kienu joqogħdu iktar minn ħames immigranti, li allegatament kienu jħallsu madwar €200 fix-xahar kull wieħed. Jidher li l-ħidma tal-Pulizija ħadet iktar minn ħames sigħat.

Waqt it-tfittxijiet tagħhom, il-Pulizija sabu diversi persuni jistaħbew fuq travu li jaqsam bitħa interna madwar ħames sulari ‘l fuq, filwaqt li kien hemm oħrajn li nstabu jistaħbew fi gwardarobbi u taħt xi sodod.

Aktar tard l-immigranti li jidher li kellhom permess ta’ residenza Taljan, ittieħdu fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.

Fil-passat din il-binja kienet tintuża wkoll bħala akkomodazzjoni għall-istudenti li jitgħallmu l-Ingliż iżda s-sidien dawruha f’għadd ta’ kmamar illegali biex ikunu jistgħu jgħixu fihom l-immigranti.

Issa, dan il-kumpless mistenni jingħalaq minħabba li fih hemm nuqqas ta’ sanità u iġjene filwaqt li s-sidien jidher li ma kellhomx permess biex jużaw il-post bħala post ta’ akkomodazzjoni.