Futbol Sport

Klopp jagħti ħjiel li jista’ jħalli lil Liverpool fi tmiem il-kuntratt

(Ritratt: EPA)

Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal li mistenni li jieħu pawża wara li jispiċċa t-terminu tiegħu ma’ Liverpool. Klopp ingħaqad mal-klabb Ingliż fl-2015 u l-kuntratt tiegħu jintemm fl-2022, mexxa lil Liverpool għar-rebħ tal-UEFA Champions League l-istaġun li għadda u rebaħ it-tieni unur mal-klabb aktar kmieni dan ix-xahar bir-rebħ tal-UEFA Super Cup.

Klopp ikkonferma li hu persuna li jew jagħti kollox jew ma jagħti xejn u għalhekk qal li meta jiddeċiedi li ma jistax jagħmel dan ix-xogħol aktar, jieħu sena mistrieħ. Liverpool ilhom ma jirbħu l-kampjonat Ingliż mill-1990 u rebħa din is-sena tpoġġi lil Klopp bħala l-aktar kowċ ta’ suċċessi fl-aħħar diċenji.

Klopp hu magħruf għall-enerġija u l-passjoni tiegħu filwaqt li l-eċċitament tiegħu wassal biex kien involut f’diskussjonijiet mal-uffiċjali fil-passat. Fil-passat, il-kowċ ta’ 52 sena kien qed jissemma li seta’ jingħaqad mat-tim nazzjonali Ġermaniż u anki ma’ Bayern Munich.