L-eks deputat konservattiv, Joe Walsh, sar it-tieni kandidat li se jisfida lill-President Amerikan Donald Trump għan-nomina biex jikkuntesta għall-White House f’isem il-Partit Repubblikan.
Walsh, li hu famuż ukoll bħala protagonista ta’ programm fuq ir-radju, għandu ċans żgħir ħafna li jirnexxi iżda hu ma żammx lura milli jattakka lil Trump fuq il-programm This Week tal-Istazzjon ABC — fejn fisser lill-Mexxej tal-Istati Uniti bħala ‘persuna b’mentalità ta’ tifel u li jimpurtah biss minn dak li hu tajjeb għalih’.
Walsh kompla, sadattant, li hu qed jikkuntesta ‘għaliex l-Istati Uniti ħaqqa alternattiva u tmexxija aħjar’.
Joe Walsh kien ġie elett għall-Kamra tar-Rappreżentanti minn Illinois wara li gawda mill- appoġġ notevoli għall-moviment Tea Party, li hu grupp konservattiv fi ħdan il-Partit Repubblikan.
Donald Trump ma rreaġiex għall-kummenti ta’ Walsh li, bid-dikjarazzjoni tiegħu, qed isegwi l-passi tal-eks Gvernatur ta’ Massachusetts, Bill Weld, li kien ħabbar l-isfida għal Trump f’April li għadda.
Intant, Joe Walsh u Bill Weld se jkollhom biċċa xogħol iebsa ħafna biex jieħdu l-kontroll tal-Partit Repubblikan li fl-aħħar snin spiċċa ‘ristrutturizzat’ bħalma ried Donald Trump.
Dan ukoll meta l-ebda President Amerikan fil-kariga (waqt l-era moderna) ma qatt tilef it-tellieqa biex jaċċerta min-nomina tal-partit tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali.
Għalkemm fadal aktar minn sena sakemm l-Amerikani jivvutaw għal President ġdid, it-tellieqa għall-kandidat tal-Partit Demokratiku (fl-Oppożizzjoni) li se jikkuntesta kontra Trump għat-tmexxija tal-White House irrankat sew fl-aħħar xhur.
//= $special ?>