Internazzjonali

L-Italja: Zingaretti irid Gvern li jissimbolizza l-bidla

Il-Kap tal-Partit Demokratiku tax-Xellug ( PD) Nicola Zingaretti insista għall-bidliet fil-formazzjoni ta’ Gvern Taljan ġdid li jista’ jirriżulta minn ftehim bejn l-istess PD u l-Moviment Cinque Stelle. L-istess Cinque Stelle kien imsieħeb fil-koalizzjoni li kienet qed tmexxi lill-Italja sakemm xoljiet ftit tal-jiem ilu.

Sadanittant, Zingaretti irrepeta l-oppożizzjoni tiegħu għal sitwazzjoni fejn Giuseppe Conte – li rriżenja l-ġimgħa l-oħra minn Prim Ministru tal-Italja – jieħu t-tmexxija ta’ Eżekuttiv ġdid magħmul mill-membri tal-PD u Cinque Stelle.

‘Ma nistgħux inkomplu fit-triq l-antika’, qal Zingaretti li jemmen ‘mija-fil-mija’ fil-ħtieġa ta’ Gvern Taljan ġdid li ‘jibdel ir-rotta’ u jinqata’ kompletament mill-politika tal-eks-amministrazzjoni mmexxija minn Cinque Stelle u l-Partit tal-Lega ta’ Matteo Salvini.

Il-PD, fil-preżent, għaddej bit-taħditiet ma’ Cinque Stelle bil-għan li, ‘il quddiem, iwaqqfu Gvern ġdid f’Ruma.

Madankollu, l-insistenza minn Luigi Di Maio – il-Kap ta’ Cinque Stelle – biex Giuseppe Rossi (attwalment Prim Ministru proviżorju) jingħata mandat ieħor fil-kariga li kellu tidher li qed tostakola ftehim mal-PD.

Dan għaliex Zingaretti jibqa’ konvint mill-ħtieġa li l-amministrazzjoni ġdida tkun differenti għalkollox mill-aħħar Gvern Taljan – l-ewwel amministrazzjoni populista għall-pajjiż – li dam fil-poter għal sena u xahrejn.

Minħabba din is-sitwazzjoni staġnata żdiedu l-prospetti li l-President tal-Italja, Sergio Mattarella, isejjaħ elezzjoni ġdida sal-aħħar ta’ Ottubru.

Fl-istess ħin, mhux eskluż li l-Moviment Cinque Stelle jipprova anki ‘għal tentattiv ġdid’ mal-Partit tal-Lega, meta Matteo Salvini qed jistinka lejn dan ix-xenarju.

Sadattant, Salvini – li hu l-aktar politiku popolari fl-Italja minħabba l-oppożizzjoni tiegħu għall-immigranti – għandu jibbenefika l-aktar minn elezzjoni ġenerali bikrija.

Min-naħa tiegħu, Nicola Zingaretti qal li hu qed jaħdem fuq ‘soluzzjoni serja’ għall-kriżi fil-Gvern u ħeġġeġ biex il-membri tal-PD u l-Moviment Cinque Stelle ‘jisimgħu lil xulxin u jagħmlu l-almu biex jimxu ’l quddiem’. Intant, il-Kap tal-PD ammetta l-ħtieġa li l-partiti tiegħu u ta’ Di Maio jagħmlu l-konċessjonijiet waqt it-taħditiet.