Futbol Sport

Lukaku jiskorja fid-debutt fir-rebħa kbira ta’ Inter fuq Lecce

Romelu Lukaku jiċċelebra wara l-gowl li skorja (Ritratt: EPA)

Inter fetħu l-kampjonat tagħhom bl-aħjar mod possibbli b’rebħa ta’ 4-0 kontra Lecce fi Stadio Giuseppe Meazza. Din il-logħba mmarkat id-debutt uffiċjali fit-tmexxija ta’ Inter tal-kowċ Antonio Conte, bi tnejn mill-akkwisti ta’ Inter jiġifieri Stefano Sensi u Romelu Lukaku jsibu x-xibka.

L-ewwel azzjoni perikoluża ta’ Inter seħħet fis-17-il minuta bi kross ta’ Antonio Candreva mil-lemin lejn Lautaro Martinez li iżda ħabbat il-ballun mal-art, bid-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi barra. Risposta minn Lecce żewġ minuti wara b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Panagiotis Tachtsidis li ġie salvat minn Handanovic.

Inter fetħu l-iskor fil-21 minuta meta Kwadwo Asamoah niżżel barra l-kaxxa lejn MARCELO BROZOVIC li b’xutt meqjus għar-rokna ta’ fuq ma tax ċans lil Gabriel. L-iskor sar 2-0 tliet minuti wara b’azzjoni personali ta’ STEFANO SENSI li qabeż diversi plejers qabel skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Fit-tieni taqsima, Lecce ħarġu jfittxu l-gowl li jdaħħalhom fil-logħba u kellhom diversi okkażjonijiet hekk kif Inter dehru f’diffikultà. Iżda n-nerazzurri għalqu l-logħba mas-siegħa logħob, b’ROMELU LUKAKU jniżżel lejn Martinez li prova b’xutt li kien salvat parzjalment, bl-attakkant Belġjan ikun pront u mir-rebound skorja l-ewwel gowl tiegħu ma’ Inter.

Lecce kellhom jilagħbu l-aħħar kwarta b’raġel anqas wara li Diego Farias tkeċċa b’karta ħamra diretta għal daħla fuq is-sostitut Nicolò Barella. Is-sostitut l-ieħor Matteo Politano kellu gowl imħassar ftit wara iżda Inter xorta skorjaw ir-raba’ gowl fl-84 minuta b’xutt sabiħ mid-distanza ta’ ANTONIO CANDREVA li spiċċa fir-rokna ta’ fuq.