Lokali Mużika

Tissokta l-ħidma għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza

Ċans sal-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu biex tissotometti l-kanzunetta tiegħek

Mill-ġdid għall-festi tal-Indipendenza se jittellgħu żewg konkorsi li issa daħlu sew fil-kalendarju tal-attivitajiet fi żmien il-festi tal-Indipendenza.

Dwar dan ħadna l-kumment tal-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN Robert Cutajar li qed jieħu ħsieb dawn il-konkorsi.

Huwa qalilna li kif ġara fl-aħħar snin se jiġu organizzati żewġ konkorsi dak tal-kbar magħruf bħala KKI u dak tat-tfal u żgħażagħ maghruf bħala KKI Jr fejn għalih jistgħu jipparteċipaw kantanti ta’ bejn 6 u 15-il sena.

Dawn iż-żewġ konkorsi ser ikunu qed jiġu organizzati fit-18 u 19 ta’ Settembru f’xandiriet live fuq Net TV fid-9pm. Ser isiru fuq palk armat u attrezzat b’dawl u sound professjonali preċiżament barra l-bini tad-Dar Ċentrali faċċata tal-iskola li tinsab biswit l-istess bini.

Fil-kummenti tiegħu lil Net News huwa qal magħna li l-kanzunetti jridu jiġu sottomessi sa nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu u ser jigu ġġudikati minn 7 membri tal-ġurija bejn l-4 u 5 ta’ Settembru li sussegwentament minn kull kategorija jgħaddu 20 finalist.

Huwa qal magħna li l-40 kanzunetta bil-Malti finalista, 20 tal-kbar u 20 KKI Jr, il-kantanti rispettivi, ser ikunu mistiedna fi programm live imtella’ apposta fuq NET TV nhar it-Tnejn 16 ta’ Settembru fit-8:30pm.

Robert Cutajar fakkar li bħal edizzjonijiet passati l-pubbliku ser ikollu l-opportunità li jagħżel ukoll il-kanzunetta favorita tiegħu fiż-żewġ festivals meta permezz tat-televoting ikun jista’ jagħmel dan. Dawn iż-żewġ għażliet tal-pubbliku ser ikollhom premijiet separati mill-premju finali. Ir-rebbieħa taż-żewġ konkorsi ser ikunu ġġudikati minn ġurija magħmula minn 7 membri differenti fiż-żewġ serati finali.

Il-kumitat organizzativ għandu fi ħdanu ukoll nutar li qed tkun preżenti tul il-proċess kollu taż-żewġ konkorsi.