Lokali

Żagħżugħ ta’ 16-il sena arrestat wara li nqabad isuq bla liċenzja

Prova jiżgiċċa lill-Pulizija iżda spiċċa ħabat f'karozza oħra

Żagħżugħ ta’ 16-il sena ġie arrestat mill-Pulizija wara car chase li seħħet f’nofs ta’ lejn fl-inħawi ta’ Birkirkara, u li spiċċat bil-ġuvni jaħbat head-on ma’ karozza oħra.

Kollox beda ftit wara nofs il-lejl meta l-Pulizija mill-iskwadra tar-Rapid Interventon Unit kienu f’ronda ġewwa Triq Fleur-de-Lys, f’Birkirkara fejn nnutaw karozzatat-tip Peugeot 106 għaddejja b’veloċità eċċessiva fid-direzzjoni lejn il-Wied ta’ Birkirkara.

Il-Pulizija saqu għal wara din il-vettura, u għalkemm ippruvaw jagħmlu sinjal lix-xufier biex jieqaf dan kompla jsuq b’veloċità eċċessiva. Meta wasal fi Triq Giovanni Papaffy, ix-xufier tilef il-kontrol tal-vettura, bil-konsegwenza li din baqgħet sejra fin-naħa l-oħra tat-triq, ħabtet f’vettura tal-għamla Vauxhall Astra li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta u baqgħet dieħla f’arblu.

Mal-impatt ix-xufier ħareġ mill-vettura u jaħrab jiġri, iżda ġie arrestat ftit wara. Fuqu nstabu żewġ biċċiet ta’ borża tal-plastik li ġo fihom kien hemm sustanza suspettata droga.

Fil-post issejħu wkoll il-Pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara, fejn ġie konfermat li x-xufier tal-Peugeot għandu 16-il sena u huwa residenti Birkirkara stess.

Ix-xufier u l-passiġġiera tal-Vauxhall fortunatament ma sofrew l-ebda ġrieħi, filwaqt li l-ġuvni ta’ 16-il sena ttieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta peress li kien ħass xi uġigħ kawża tal-impatt, u ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.