Festi Lokali

Żewġ kunċerti ġodda għall-festa tal-Vitorja mill-banda La Vittoria

Id-data tat-3 ta’ Settembru saret data importanti ferm għal din is-soċjetà permezz ta’ kunċerti tal-ogħla livell li ġew preżentati mil-La Vittoria Youth Band tul dawn l-aħħar ħmistax -il sena.

Kif ġie mwiegħed sena ilu, din id-data se tibqa’ waħda importanti għall-banda La Vittoria fejn din is-sena se tiġi preżentata l-ewwel edizzjoni ta’ The La Vittoria Grand Concert, kunċert li mistenni jkun ta’ livell għoli ħafna kemm fejn tidħol mużika kif ukoll fejn tidħol organizzazzjoni. Fost il-mużika ta’ preġju li sejra tindaqq insibu mużika mill-pinna ta’ Strauss, New Cuorey, Franz Liszt u Zucchero. Mal-Banda se jingħaqdu wkoll il-grupp ta’ żeffiena professjonali ‘Danza C’ taħt it-tmexxija ta’ Christina Cauchi, il-Baritonu Malti famuż Louis Andrew Cassar, il-kantant Daniel Cauchi mill-Big Band Brothers, il-pjanista żagħżugħ John Cutajar, kif ukoll l-Kor tat-tfal ‘Vuċijiet Vittorjani’ taħt it-tmexxija ta’ Julia Grima u Claudia Vella. Dan kollu flimkien mal-mużiċisti, b’taħlita bejn professjonali, stabbiliti u mużiċisti żgħażagħ promettenti għandu joffri serata mill-aqwa u rilassanti lil dawk kollha preżenti.

Dan il-kunċert se jsir nhar it-Tlieta 3 ta’ Settembru 2019, fil-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa mit-8:30p.m. ‘il quddiem taħt id-direzzjoni tad-Direttur Mużikali tal-banda Mro. Ryan Mallia. Tippreżenta Pauline Agius.

La Vittoria Youths LIVE – 4 ta’ Settembru:

Il-Banda La Vittoria tul dawn l-aħħar snin investit bi sħiħ fl-iskola tal-mużika u llum il-banda hija komposta xejn inqas minn 30 mużiċist żagħżugħ. Dan kollu wassal biex tinħoloq attività ġdida li tagħti spazju lil dawn il-mużiċisti biex jesponu t-talent tagħhom filwaqt li jkunu jistgħu jaħdmu fuq attività mużikali ġdida immirata għalihom.

La Vittoria Youths Live hija attività f’forma ta’ live band u tinkludi diversi kantanti residenti fejn b’mużika mill-pinna ta’ Queen, Beatles, Frank Sinatra, The Tramps u Lady Gaga żgur li għandu jinħoloq spettaklu mhux komuni għall-baned Maltin. Jieħdu sehem il-kantanti Julia Grima, Mireille Borg, Thea Gauci, Cassandra Scerri, flimkien mal-kor tas-Soċjetà ‘Vuċijiet Vittorjani’.

La Vittoria Youths Live se jsir nhar L-Erbgħa 4 ta’ Settembru 2019 fil-Pjazza tal-Parroċċa tal- Mellieħa mit-8:15pm ‘il quddiem u d-direzzjoni mużikali ser tkun tal-Assistenti Diretturi Mużikali tal-banda Mro. Hertian Gauci u Mro. Andrea Cassar.

Dawn iż-żewġ kunċerti ser ikunu bla ħlas filwaqt li l-produzzjoni hija tas-Soċjetà Filarmonika La Vittoria taħt it-tmexxija tal-President is-Sur Pawlino Mifsud fejn din is-sena ser jiġi mfakkar l-għaxar sena minn meta ħa l-kariga ta’ President. Ma’ dan l-avveniment ser jiġi mfakkar ukoll l-għaxar sena mit-twaqqif tal-kor ‘Vuċijiet Vittorjani’ li, flimkien ma’ l-iskola tal-mużika, kienet waħda mill-ewwel inizjattivi tas-Sur Mifsud għaxar snin ilu.

Is-Soċjeta’ Filamonika La Vittoria filwaqt li dejjem ħarset lejn l-aspett mużikali u kulturali, iżda ser timpenja ruħha wkoll biex tkun t’eżempju għaż-żgħażagħ futuri. Bi qbil unanimu bejn il-Kumitat Amministrattiv u l-Kummissjoni Żgħażagħ Vittorjani tnedew inizjattivi favur l-ambjent u ħolqien ta’ kuxjenza fuq il-ħsara li jikkawża plastik li jintuża darba biss. Waqt il-briju li jsir tradizzjonali, is-Soċjeta’ La Vittoria ser tkun l-ewwel għaqda kulturali fil-Mellieha li ser taqta’ l-użu tal-bżieżaq u l-konfetti tal-plastik waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa. Minflok ser tkun qed tipprovdi sett ta’ bnadar li jkunu jistgħu jintużaw minn sena għall-oħra.