Min jidħol fil-politika, qed jaghmel missjoni… li jagħti ħajtu għall-aqwa interess ta’ pajjiżu.
Kliem l-Isqof Giovanni Cefai, li ftit tal-ġimgħat ilu nħatar mill-Papa Franġisku biex imexxi d-Djoċesi ta’ Huancane fil-Perù, iddedikata lil San Ġakbu Appostlu.
Is-Saċerdot Għawdxi mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għamel żjara ta’ kortesija lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali.
Min-naħa tiegħu, Adrian Delia esprima s-sodisfazzjon tiegħu meta jara xi ħadd Malti jew Għawdxi f’kariga daqstant importanti bħal din. Qal li dawk li jagħżlu li jiddedikaw ħajjithom għall-missjoni jagħmlulna ġieħ għax juru l-kapaċità tagħna l-Maltin u l-Għawdxin biex inħobbu lill-proxxmu fil-bżonn.
Il-missjoni hi lil hinn minn kwalunkwe forma ta’ xogħol jew karriera, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li ddiskuta wkoll mal-Isqof Cefai dwar l-importanza tal-missjoni, l-għajnuna li l-Knisja tagħti fil-formazzjoni u fl-edukazzjoni tal-persuni u l-ħidma li se jkun qed iwettaq fil-Perù.
Monsinjur Giovanni Cefai hu l-ewwel Isqof mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u l-ewwel Isqof ukoll mir-raħal żgħir taż-Żebbuġ Għawdex.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Isqof Cefai sabu ftit ħin jitkellmu b’mod informali, fost l-oħrajn dwar l-esperjenza li Adrian Delia stess kellu meta kien iżgħar b’missjoni fl-Etjopja.
Waqt il-laqgħa fid-Dar Ċentrali, hu kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, filwaqt li l-Isqof Cefai kien akkumpanjat mill-Provinċjal tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, Dun Frankie Cini.
//= $special ?>