Lokali

Anzjan iweġġa’ wara li waqa’ minn fuq saqaf tal-ħadid fix-Xgħajra

Ambulanza - Ritratt mill-arkivji

Setgħet ġiet agħar lil anzjan mix-Xgħajra li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular għax tela’ fuq saqaf ta’ kamra f’bitħa fir-residenza tiegħu stess.

Persuni li tkellmu ma’ NET News spjegaw li, għall-ħabta tas-2pm, l-anzjan ta’ 81 sena ddeċieda li juża’ sellum biex jitla’ fuq saqaf tal-ħadid li għandu fuq il-kamra fil-bitħa, fi Triq il-Knisja.

Kien f’dan il-mument li l-anzjan waqa’ għal isfel u weġġa’ saqajh. Madankollu, il-kundizzjoni tiegħu ma tidhirx li hi waħda kritika.

Kien intervent f’waqtu minn tim mediku, li ħa lill-anzjan lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura, filwaqt li aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.