Budget 2020 Lokali

Budget 2020: Il-Ministru ma jweġibx dwar dak li jaffettwa lill-poplu

Suppost il-Ministru Edward Scicluna jinsab f’pożizzjoni li jgħid lin-nies x’għandhom jistennew mill-Budget għas-sena d-dieħla. Madankollu, baqa’ ma ta l-ebda dettalji li verament jolqtu lin-nies.

Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet, li matulha l-Gvern ippreżenta uffiċjalment id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit.

Suppost li d-dokument jagħti indikazzjoni ta’ x’wieħed jista’ jistenna mill-Budget li jmiss, li mistenni jkun imħabbar b’mod uffiċjali f’Ottubru ta’ din is-sena.

Madanakollu, meta mistoqsi dwar dak l-aktar li jaffetwa lill-poplu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ma weġibx u fost oħrajn, saħaq li ż-“żieda tal-għoli tal-ħajja ma jistax jgħida l-Ministru.”

Iż-żieda minima fl-aħħar baġit kienet ta’ 2 ewro u 33 ċenteżmu, li kompliet tkun waħda baxxa …  budget wara budget … tant li fl-aħħar statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rriżulta li 78,685 persuna jinsabu f’riskju ta’ faqar. Barra minhekk, 113,238 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar meta tinkludi benefiċji bħal penzjoni.

Madanakollu meta pressat biex jgħid jekk iż-żieda huwx se tkun minima bħal tal-budget li għadda… il-Ministru qal li “m’hemmx baxx u għoli.”

Il-Ministru ma rieda jitkellem fuq it-taxxi tal-Budget u se jistenna d-diskors tal-baġit biex jikxef il-karti.

Dan fid-dawl tal-fatt li madwar 36,000 persuna m’għandhom biżżejed flus biex iżommu d-dar tagħhom sħuna fix-xitwa, 27,000 persuna li ma jaffordjawx jieklu laħam, tiġieġ, ħut jew ħaxix u 12,000 persuna li mhux jibqalhom biżżejjed flus fl-aħħar tax-xahar biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif ukoll is-self mill-bank.

Il-Ministru ma jagħti l-ebda tweġiba konkreta biex iserraħ ras il-poplu… anke wara li fl-aħħar ġimgħat rajna żieda allarmanti fil-prezzijiet tal-fuels, il-ħalib u l-ħobż  fost oħrajn.