Sport Sport Ieħor

Federer, Djokovic u Medvedev fit-tieni rawnd fi New York

(Ritratt: EPA)

Roger Federer evita ħasda biex għeleb lill-Indjan Sumit Nagal u avvanza għat-tieni rawnd tal-Open tal-Istati Uniti. L-Iżvizzeru ta’ 38 sena li qed ifittex rekord ta’ sitt suċċessi fi New York, tilef l-ewwel set qabel irkupra biex rebaħ 4-6, 6-1, 6-2, 6-4.

Aktar kmieni, is-sid numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic għadda b’rebħa fuq l-Ispanjol Roberto Carballes Baena. Is-Serb li rebaħ dan il-Grand Slam sena ilu, rebaħ 6-4, 6-1, 6-4. Djokovic li għandu 32 sena, wasal sal-finali fl-aħħar tliet snin fi New York, iżda fl-ewwel żewġ rawnds sena ilu kellu bżonn erba’ sets biex rebaħ il-logħbiet tiegħu.

Hu rebaħ 16-il Grand Slams fil-karriera u qed ifittex li jagħlaq id-distakk minn ma’ Roger Federer u Rafael Nadal li rebħu 20 u 18-il Grand Slam rispettivament. Djokovic jilgħab kontra Juan Ignacio Londero fit-tieni rawnd filwaqt li Federer jilgħab kontra Damir Dzumhur.

Is-sid numru ħamsa Daniil Medvedev kellu bżonn siegħa u 25 minuta biex rebaħ 6-4, 6-1, 6-2 kontra Prajnesh Gunneswaran. Ir-Russu ta’ 23 sena qed ikun meqjus bħala t-tennist li jtemm id-dominju ta’ Djokovic, Federer u Nadal. Fit-tieni rawnd jaffronta lil Hugo Dellien.